Ġenituri li ma jistgħux jaħdmu sabiex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità, fl-età ta’ aktar minn 16-il sena, se jkunu qed igawdu minn pagament ta’ €300 darba f’sena.
Il-ġenituri eliġibbli huma dawk li mhumiex qed jaħdmu u li jgħixu fl-istess dar mal-wild b’diżabiltà li għandhom aktar minn 16-il sena u li jirċievu l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.
L-għotja se titħallas sħiħa darba fis-sena u mhux pro-rata. Meta l-ġenitur eliġibbli jasal għall-età pensjonabbli, il-ġenitur intitolat jibqa’ jirċievi l-Għotja tal-Carer.
L-ewwel pagamenti ser joħorġu nhar is-Sibt, u jibqgħu għaddejjin sa Diċembru ta’ din is-sena, sakemm jitħallas kull benefiċjarju intitolat. Sa issa tħallsu mal-€115,000, li minnhom gawdew 383 ġenitur. Benefiċjarji prospettivi ġodda se jkunu qed jitħallsu minn April ‘il quddiem.
F’każ li l-wild ikun jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u jkun qed jgħix f’istituzzjoni, l-għotja għall-carers ma titħallasx. Il-ġenituri m’għandhomx bżonn japplikaw għaliex l-informazzjoni kollha ta’ min hu eliġibbli, tinsab għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif dan il-gvern qed ikompli joħloq miżuri u inċentivi ġodda sabiex jgħin lill-vulnerabbli u l-familji tagħhom, bil-fatti u mhux biss bil-kliem.