KONTINWAMENT AĠĠORNATA: Tkompli l-kumpilazzjoni tal-aħwa tal-Maksar, Vella u Degiorgio

12:22 – Intemmet ix-xhieda ta’ Arnaud u s-smiegħ mistenni jkompli għada fit-8:30.

12:09 – Dwar il-bomba qal li din kien fiha ħxuna ta’ żewġ pakketti sigaretti u daqs ta’ karta normali A4.

Tenna li l-bomba tawilhom Robert Agius u Jamie Vella b’1500 gramma splussiv.

Apparti dan spjega kif ingħataw tlett armi tan-nar bħala parti mill-pjan ta’ qabel biex jisparaw lil Daphne Caruana Galizia.

11:56 – Arnaud kompla jispjega kif il-Koħħu spjega mal-Pulizija kif kienu qed isegwi l-passi ta’ Caruana Galizia.

Saħaq kemm-il darba ra lil Melvin Theuma jitkellem u jiltaqa’ ma’ Alfred Degorgio.

11:41 – Taħt ġurament Arnaud qal kif waqt l-arrest ta’ ftit ġimgħat ilu nstabu tlett mitt gramma droga kokaina taħt is-seat ta’ Adrian Agius, filwaqt li fil-karozza ta’ ħuħ instabu ħamsa u erbgħin elf fi flus kontanti.

11:06: – Il-Maġistrat issospendiet is-seduta għal ftit minuti.

10:51 – Muscat qal mal-Pulizija kif segwew il-passi ta’ Caruana Galizia u meta telqet bil-karozza splodew il-bomba.

Il-Koħħu spjega wkoll kif Robert Agius kien ġab karozza simili għal dik ta’ Caruana Galizia biex jipprattikaw kif se jiftħu l-bieba.

Hawnhekk Arnaud spjega li Robert Agius u Jamie Vella offrew flus lill-koħħu sabiex iżomm ħalqu magħluq.

10:40 – Arnaud qal li l-koħħu qalilhom li l-aħwa Agius issuplixxew il-bomba.

Saħaq li George Degorgio kien qalilhom jekk il-bomba kenitx aktar qawwija minn dik li tpoġġiet fil-karozza ta’ Romeo Bone fl-2017.

Il-bomba kienet ittestjata f’garaxx fin-Naxxar b’Robert Agius u Jamie Vella juru kif titpoġġa.

10:30 –  Fuq il-pedana tax-xhieda spjega biswit il-post tad-delitt sabu loqma ta’ sigarett li fuqu kien hemm id-DNA ta’ Alfred Degorgio.

Hawnhekk huwa kkonferma li l-aħwa tal-Maksar u Vella kienu fost dawk li ġewa arrestati f’Diċembru tal-2017. Iżda dakhinar ma kienx hemm biżżejjed provi kontrihom.

10:21 – Arnaud fuq il-pedana tax-xhieda beda jitkellem dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn spjega li l-bomba kiene taħt is-seat tal-karozza u ġiet attivata minn SIM card.

10:10 – Fil-Qorti ġie spjegat kif Muscat ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u ta informazzjoni lill-Pulizija fuq il-bomba użata.

10:03 – Il-Koħħħu qal lill-Pulizija li waqt il-qtil George Degorgio allegatament kien ix-xufier filwaqt li Vella allegatament spara ħames tiri lejn l-Avukat.

Vince Muscat qal li r-rotta minn fejn għaddew kienu prattikawha u ġie spjegat li wara l-qtil dawn allegatament marru ġo appartament biddlu l-ħwejjeġ u telqu għal rashom.

Mal-Pulizija l-Koħħu tenna li lilu kienu offrewlu għoxrin elf ewro u spejga li l-ewwel ġabar għaxart elef ewro mingħand Degorgio imbagħad għaxarat elef ewro oħra mingħand Agius innifsu.

9:51 Fil-Qorti ħareġ kif Adrian Agius kien saħaq mal-Pulizija li jum qabel il-qtil ta’ Chircop huwa kien imsiefer.

Arnaud spjega li kollox kien jipponta lejn Agius, iżda dak iż-żmien l-investigazzjonijiet kienu naqqsu.

Iżda l-każ ħa żvolta meta Vince Muscat il-Koħħu, li wkoll ingħata maħfra presidenzjali fuq dan il-każ, beda jitkellem dwar il-qtil.

9:33 – Taħt ġurament Arnaud spjega kif mart il-vittma, Maryrose Chircop kienet qalet mal-Pulizija li Adrian Agius kellu madwar sitt mitt elf ewro dejn mal-Avukat.

9:21 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ s-Supretendent Keith Arnaud, fejn beda jispjega kif il-Pulizija sabet il-ġisem bla ħajja ta’ Chircop b’diversi tiri ta’ arma fil-garaxx ta’ Birkirkara. Minn hawn l-investigaturi bdew isegwu karozza ta’ tip Toyota permezz tal-kameras tas-sigurtà minn bini fil-biswit.

9:05 – Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ntqal kif Robert Agius se jkun akkużat ukoll li ordna l-qtil ta’ Chircop.

Aktar Qabel – Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend