Notifiki

“Min Jaf? Ħadd ma jaf imma rridu nibqgħu għaddejjin” – New Victorians

Min jaf kieku għidtli ma kellekx ir-risposti,
Min jaf kieku ma ħallejtekx teħodli posti,
Issa fl-istess baħar qegħdin,
Dan kien kollu ħela ta’ ħin.

Dawn huma l-ewwel versi tal-kanzunetta l-ġdida tal-grupp mużikali New Victorians, f’kollaborazzjoni mar-rapper Malti, Lapes.

Din il-kanzunetta hija riżultat ta’ fondi li ngħataw fi skema tal-Kunsill Malti għall-Arti f’Marzu li għadda, biex artisti lokali joħorġu bi proġetti ta’ kollaborazzjonijiet virtwali fis-sena tal-pandemija.

Ma’ ONE News, waħda miż-żewġt aħwa spjegat il-ħsieb wara “Min Jaf”.

Qalet kif, “Il-kunċett huwa daż-żmien, kulħadd qed jgħid min jaf? Min jaf meta ħa mmorru lura għan-normalità, min jaf meta ħa nkunu nistgħu noħorġu? Min jaf meta ħa ndoqqu live? U dik l-idea li ħadd ma jaf imma rridu nkomplu. Imbagħad kien hemm l-idea ta’ relazzjoni, meta tpoġġi lil xi ħadd fuq pedestall, tpoġġi t-tama tiegħek fil-persuna u he or she lets you down, u min jaf għamiltx hekk? Min jaf saqsejtx il-mistoqsijiet tajbin? Dik kienet l-idea.”

Iż-żewġt aħwa riedu jaħdmu ma’ artisti li huma differenti fl-istil, u fil-fatt din hija l-ewwel kanzunetta għalihom bil-lingwa Maltija.

Kanzunetta li mhux biss tiġbed il-widna, imma wkoll l-għajn, għaliex il-vidjo mużikali f’kamra magħluqa u blu, jirrapreżenta l-kamra tas-sodda fejn inkitbet il-kanzunetta miż-żewġt aħwa fi żmien meta bosta postijiet f’pajjiżna kienu magħluqin fil-bidu tal-pandemija.

Spjegat, “Ridna li we have that visual representation ta’ dawn it-tnejn min-nies isolated u qisek waħdek bil-ħsibijiet tiegħek stess. At the same time ma ridniex li tipo just scrolling on Instagram jew Facebook, imma ridna kunċett li jħalli impatt.”

Din hija l-ewwel minn ħames kollaborazzjonijiet li New Victorians għamlu bħala parti minn dan il-proġett, bl-erba’ kanzunetti l-oħra mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend