Notifiki

Jum ta’ infurzar mill-awtoritajiet f’diversi lokalitajiet

Tul il-jum tal-Ħadd, diversi uffiċjali mill-awtoritajiet tal-infurzar f’pajjiżna komplew b’ħidmiethom biex jassiguraw li individwi u sidien ta’ stabbilimenti, iħarsu l-miżuri restrittivi mill-awtoritajiet tas-saħħa b’rabta mal-pandemija.

Fost l-oħrajn, il-Ħadd waranofsinhar inqabdu madwar sittin persuna, il-maġġoranza anzjani, waqt logħba tombla fil-Ħamrun, li twaqqfet ħesrem wara rapport li sar lil Transport Malta.

Din l-attività ġiet meqjusa bħala illegali, skont id-direttivi l-ġodda li tħabbru ftit tal-jiem ilu, u l-uffiċjali tal-infurzar immultaw lill-organizzatur.

Intant, il-Ħadd filgħodu, crew ta’ ONE News żar diversi lokalitajiet fejn qed isiru spezzjonijiet ta’ kuljum bil-għan li jiġu nfurzati l-miżuri mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk, magħruf għall-monti ta’ kull nhar ta’ Ħadd, il-Pulizija wettqet spezzjonijiet tul ix-xatt.

Is-Supretendent Josric Mifsud spjega kif dan ix-xogħol kruċjali qed isir b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet.

Qal kif, “Fost l-entitajiet li qed nassistu ħafna huma tad-Dipartiment tas-Saħħa. Dawn qed iduru anke fil-ħwienet, aħna nassistuhom għall-bonordni u naraw li dawn l-affarjiet, ir-restrizzjonijiet jiġu obduti u osservati mill-pubbliku kif ukoll mis-sidien tal-ħwienet.”

Aktar tard waranofsinhar f’Buġibba, b’kooperazzjoni bejn il-Pulizija u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, seħħew spezzjonijiet fiċ-ċentru tal-lokalità.

Jason Mifsud, Prattikant tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Direttorat appella lill-pubbliku biex jikoopera mal-awtoritajiet, anke billi jagħti informazzjoni jew jirrapporta jekk jara xi nuqqas.

Spjega, “Bażikament waqt li nkunu għaddejin bl-ispezzjonijiet, in-nies jiġbdulna l-attenzjoni jekk jaraw xi ħaġa li jidrilhom li mhix taħt kontroll. Infatti aħna ġejna wkoll nispezzjonaw l-imwejjed li jkun hawn barra l-istabbilimenti eċċetra għax bħalissa ovjament ma jistgħux jintużaw. Kull min irid jista’ wkoll jagħmel l-ilment tiegħu online jew anke jċempel l-uffiċini tagħna fuq 21337333”

L-uffiċjali fi ħdan l-Awtorità tat-Turiżmu qegħdin iwettqu diversi spezzjonijiet fi stabbilimenti tursitiċi fosthom ristoranti u lukandi.

Anthony Caruana li huwa responsabbli mill-infurzar fi ħdan l-Awtorità, qal kif l-ispezzjonijiet isiru f’kull ħin u kullimkien.

Qal, “Filgħodu, matul il-ġurnata u filgħaxija sa bil-lejl. Sas-siegħa ta’ filgħodu aħna nkunu għaddejjin mar-reġjun kollu ta’ Malta, kemm fit-tramuntana u n-nofsinhar. Kull eżekuttiv għandu reġjun jiġifieri għandu ċertu villaġġi biex jimmonitorja, irid idurhom kollha sas-siegħa ta’ filgħodu.”

Dan l-istazzjon segwa mill-qrib il-ħidma ta’ dawn l-uffiċjali, li tkellmu mas-sidien tal-istabbilimenti dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex iħarsu s-saħħa tal-klijenti tagħhom.

L-uffiċjal qalilna kif is-Sibt filgħaxija, tħarrku numru ta’ persuni li nqabdu jiksru l-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Qal, “Għall-ħabta ta’ xi nofsillejl neqsin kwart sibna appartament ġo lukanda. Dawn irriservaw tliet kmamar però sibnihom f’kamra waħda. Disgħa min-nies li ġew imħarkin ilbieraħ f’nofsillejl.”

Dan mhuwiex każ iżolat, hekk kif aktar kmieni s-Sibt tħarrku diversi persuni fil-Ħamrun li ħarġu jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans.

Il-Pulizija kkonfermat dan fi stqarrija li fiha qalet ukoll li apparti għaċ-ċelebrazzjoni fil-Ħamrun, immultat ukoll numru ta’ persuni li kienu fi spazji pubbliċi bħal promenades u li kienu fi gruppi akbar minn dak li suppost.

Ir-rondi qed isiru madwar il-pajjiż kollu fosthom fi spazji magħrufa għall-picnics u anki f’residenzi privati.

 

BIL-FILMAT: Aktar minn 50 persuna, fosthom anzjani, jinqabdu jilagħbu t-tombla f’sala fil-Ħamrun

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend