Fl-aħħar lejl tiegħu, waqt iż-żjara storika ġewwa l-Iraq, il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ missier Alan Kurdi, it-tifel żgħir li tilef ħajtu bejn sema u ilma.
Ir-ritratti tat-tifel kien daru d-dinja, meta l-ġisem bla ħajja ta’ Alan Kurdi kien deher fuq xtajta fuq bajja Torka fl-2015.
Il-Papa ltaqa’ ma’ missier Alan Kurdi, Abdullah fil-belt ta’ Ardil.
Fi stqarrija mis-Santa Sede ntqal kif il-Papa Franġisku dam għal ħin twil ikellem lil missier Alan Kurdi, fejn semma l-uġigħ ta’ dan il-missier li tilef lil ibnu.
L-istorja tal-familja Kurdi hija waħda li bdiet minn ħolma li jgħixu aħjar, għal waħda li kellha tmiem kiefer. Dan hekk kif iż-żewġt itfal ta’ Abdullah flimkien ma’ martu Rehanna lkoll tilfu ħajjithom. Abdullah kien l-unika wieħed li salva minn din it-traġedja.