Notifiki

“Dan l-apparat li għandi biddilli ħajti” – tifel dijabetiku ta’ 10 snin li qed jibbenefika minn patches b’xejn

Ħajjitna nbidlet mil-lejl għan-nhar.

Kliem Noel Attard, missier Noah, tifel ta’ għaxar snin li ftit tax-xhur ilu sar magħruf li għandu d-dijabete.

Noah huwa fost il-madwar mija u sittin tifel u tifla bid-dijabete tat-tip wieħed f’pajjiżna, li mix-xahar li għadda bdew igawdu minn patches b’xejn li jissorveljaw il-livell taz-zokkor tagħhom.

Missier Noah spjegalna li f’Settembru li għadda, ibnu spiċċa l-isptar wara li kellu z-zokkor f’livell ta’ disgħa u għoxrin punt ħamsa. Hemmhekk sar magħruf li huwa dijabetiku.

Spjega li dan kien xokk kbir għall-familja, imma sabu sapport kbir mill-isptar u minn hemm bdiet it-triq biex jadattaw.

Qal, “Konna nagħmlu bil-blood glucose machine, jiġifieri ttaqqablu subgħajh, toħroġ qatra demm u jkollok magna li ħa turik ir-reading taz-zokkor dak il-ħin jiġifieri dik speċjalment fl-ewwel ġranet konna nagħmluhielu, għaxra, ħmistax-il darba kuljum, tal-inqas. Konna nagħmluhielu qabel l-ikel, siegħa wara li jiekol, jekk ħa jagħmel sports, jekk ħa jmur il-baħar, bil-lejl konna nqajmuh darbtejn biex nagħmluhielu jiġifieri dik kienet il-kura li kellna dak iż-żmien.”

Minn Frar li għadda, il-Gvern beda joffri patches b’xejn li jagħtu moniteraġġ fuq il-livell taz-zokkor, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Missier Noah spjega li dan l-apparat jitwaħħal fuq id jew żaqq it-tifel, u jevitalu ħafna skumdità, imma mhux biss.

Sostna, “Apparti li ħa jagħtik reading kull ħames minuti, jipplottjalek graph u qed tara t-trend li hija importanti għax tara z-zokkor hux tiela jew nieżel, ħa jwissih jekk ikun nieżel, ħa jwissih jekk ikun tiela’, u inti tista’ tieħu azzjoni skont dak li qed jiġri in real time.”

Dan kollu jikkonfermah iċ-ċkejken Noah.

Spjega, “Dan l-apparat li għandi biddilli ħajti għax meta jkolli z-zokkor baxx, minflok noqgħod intaqqab subgħajja l-ħin kollu meta ma nkunx naf li għandi z-zokkor baxx, nuża l-apparat u jkolli reading kull five minutes allura nkun nista’ nara u jekk ikun baxx jew għoli, ħa jdoqq.”

Missier Noah qalilna li l-isbaħ ħaġa ta’ dan l-apparat, hija li ibnu jkun jista’ jkompli b’ħajtu, b’serħan il-moħħ għal kulħadd.

Qal kif, “Aħna l-ġenituri tiegħu, qed naraw ukoll dak li qed jara hu, jiġifieri jekk hu qiegħed l-iskola, aħna qed naraw x’inhu jiġri. Jekk mar mal-ħbieb bir-rota, jiena naf li t-tifel, he’s safe, għax qed nara r-reading, naf li ħa jdoqqlu. Jekk daqqlu li niżel iz-zokkor, naf li għandu juice miegħu jew ħalib jew ħelwa se jeħodha u se jerġa’ jiġi normali.”

Huwa appella lill-iskejjel biex jadattaw u jifhmu li dan huwa apparat mediku, li filwaqt li jissalvagwardja s-saħħa tat-tfal, jagħti wkoll serħan il-moħħ lill-edukaturi li ma jkollomx għalfejn jinkwetaw jekk ikollhom studenti dijabetiċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend