Notifiki

Jgħid kif jekk titwieled tond mhux bilfors tmut kwadru

Erba’ snin ilu kien skortat f’vann misjuq mill-Pulizija lejn bieb ġgantesk f’Kordin li għal bosta, jingħalaq u ma jerġax jinfetaħ qabel wieħed ipatti għal għemilu.

F’dan il-mument għal Keith waqaf kollox. Id-dinja ċkienet, u l-ħajja stagħġnat.

Keith kien ikkundannat sitt snin priġunerija, liema sentenza naqset għal erba’ snin minħabba imġieba tajba.

Keith qasam l-esperjenza tiegħu ma’ dan l-istazzjon, u qal li l-ħabs ħadlu kollox. Fl-istess ħin irrealizza li f’daqqa waħdu, għandu l-ħin kollu tad-dinja.

Qal kif, “Niftakarha ċara ħafna iġifieri dakinhar li kont dieħel il-ħabs ġol-vann u qed nara dak il-bieb jinfetaħ, dik il-grada tinfetaħ u hemmhekk qisu ħassejt xi ħaġa fejn ġiegħlitni nirrealizza għidt ‘Mela issa Keith jien qatt ma bsart li ħa jasal dan il-mument, qatt ma bsart li ħa nidħol hawn peró issa qiegħed hawn. Għandi daqsxejn żmien mhux ħażin hawn mid-dehra’, għidt li ħa nipprova kif jgħidu mill-ħażin tipprova toħroġ it-tajjeb u għidt li ħa nipprova hu li meta niġi biex noħroġ minn hawn ħa nkun raġel ftit aħjar milli dħalt għall-inqas.”

Keith kellu l-opportunità li jiskonta l-aħħar sena u nofs tas-sentenza tiegħu f’residenza tal-Fondazzjoni Rise, li tagħmel ħilitha biex tiffaċilita t-transizzjoni għar-realtà tal-priġunier.

Spjega, “Meta skontajt is-sentenza tiegħek iffimajt u tlaqt ‘l hemm ma tistax tagħmel la minuta iktar u lanqas minuta inqas. Hawnhekk differenti, hawnhekk qiegħed maħluq, qiegħed pjanat biex inti gradwalment terġa tibda bażikament tibni dak li waqqajt, dak it-tifrik li tkun ħallejt barra warajk tibda fejn hu possibbli tibnieh lura u tirranġah.”

Matul il-jum tal-Ħadd, Keith se jkun qed jiskonta s-sentenza tiegħu u jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.

Huwa qalilna li qed iħoss taħlita ta’ emozzjonijiet għaliex issa se jieħu r-riedni ta’ ħajtu f’idejh.

Qal, “Kulħadd ħaqqu jgħix ħajja tajba fid-dinja irrelevanti x’għamilt u x’għamiltx u kemm żbaljajt. Jiena nemmen ukoll li fil-ħajja kulħadd jiżbalja, id-differenza hija li min jinqabad jew min le.”

Keith temm b’interpretazzjoni differenti għal proverbju Malti magħruf ma’ bosta.

Sostna, “Kulħadd jista’ jinbidel. Jiena nemmen ħafna fil-proverbji Maltin peró hemm wieħed li ma naqbel miegħu xejn fil-veritá. Dak li jgħidulek min jitwieled tond ma jmutx kwadru, dik ma nemminx biha jien. Tista’ titwieled tond u tmut kwadru, mhux dejjem il-każ, mhux dejjem. Hawnhekk jagħtik daqqa t’id biex issir kwadru f’dak il-każ.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend