Notifiki

€800,000 għal 75 għaqda volontarja

Ħamsa u sebgħin għaqda volontarja ngħataw tminn mitt elf ewro sabiex ikunu jistgħu jwettqu proġetti ta’ fejda fis-soċjetà Maltija.

Dawn il-fondi ngħataw mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-għaqdiet volontarji Clifton Grima, waqt ċerimonja ġewwa lukanda ewlenija fil-Furjana.

ONE News tkellem mal-Patri Franġiskan, Fr Marcellino Micallef li spjega kif il-patrijiet Franġiskani qed igawdu minn din l-iskema t’għajnuna tal-Gvern biex jgħinu lin-nies vulnerabbli.

Huwa qal, “Aħna l-Franġiskani għamilna dik li tissejjaħ kċina Franġiskana, li fiha se nilqgħu 100 persuna kuljum. Dan se nagħmluh billi se noffru mhux biss l-ikla ta’ nofsinhar b’xejn, imma se jkun proġett ħolistiku, sabiex inkunu ta’ sapport għal dawn in-nies li huma vulnerabbli, dawn in-nies li huma fl-aħħar skaluna tas-soċjetà Maltija.”

Barra dan, il-patrijiet se jkunu qed joħolqu pjattaforma fuq il-midja soċjali, l-ikel żejjed li jkollhom ikun jista’ jitqassam b’mod iżjed faċli sabiex ma jkunx hemm ħela tal-ikel.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif dawn l-inizjattivi jgħinu lil dawn l-għaqdiet volontarji li jaħdmu f’diversi oqsma.

Is-Segretarju Parlamentari Grima stqarr: “Għandna dawn in-numru ta’ proġetti li flimkien jammontaw għall-aktar minn €800,000 illi permezz tagħhom 75 għaqdiet volontarja, li jaħdmu diversi setturi fosthom tal-kultura, drittijiet tal-bniedem, aspett sportiv u varji f’aspetti oħra, propju jwettqu dawn il-proġetti, proġetti li jkunu bil-fatti se jkunu qed iwettqu bidla għall-aħjar fil-familja ta’ diversi familji Maltin u Għawdxin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend