Notifiki

B’sempliċi rakkont jgħarrfu nuqqasijiet fl-iżvilupp tal-lingwa

Grupp ta’ riċerkaturi qed jistudjaw it-tendenzi lingwistiċi fit-tfal billi jistudjaw il-mod kif huma jirrakkontaw storja. Eventwalment dan se jwassal biex fost l-oħrajn, tkun aktar faċli biex professjonist jiddetermina xi nuqqas fl-iżvilupp tal-lingwa.

Daniela Gatt, riċerkatriċi u lettur fl-Università ta’ Malta li qed tmexxi dan l-istudju, spjegat li dan se jiffoka fuq tfal ta’ bejn it-tliet u s-sitt snin. Dawn jintwerew stampa kull wieħed u jintalbu jirrakkontaw l-istorja kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Hija stqarret: “Nixtiequ naraw is-sekwenza tal-ħsibijiet tagħhom, kemm huma kapaċi jaraw storja fi tliet episodji, u jaqbdu partijiet minn kull episodju. L-istejjer li qed nagħtuhom għandhom kemm għan u kemm riżultat, u rridu naraw jekk dawn jidentifikawhomx bil-mod tagħhom.”

Fost l-oħrajn ir-riżultati tal-istudji se jagħmluha aktar faċli biex professjonisti jidentifikaw xi nuqqas fl-iżvilupp tal-lingwa.

Gatt sostniet: “Biha nistgħu naraw x’nistennew minn tfal li qed jiżviluppaw il-lingwa b’mod tipiku, biex meta jiġu tfal bi problemi fil-lingwa, inkunu nafu x’għandna x’nistennew, għaliex din l-informazzjoni għadha nieqsa ħafna mill-kuntest Malti.”

Madwar 10% tat-tfal Maltin jidher li għandhom xi forma ta’ nuqqas fil-mod kif jiżviluppaw l-għarfien taż-żewġ lingwi. Tlieta fil-mija minnhom jesperjenzaw din id-diffikultà minħabba kundizzjonijiet ‘li jidhru’, bħall-awtiżmu.

Gatt kompliet tfisser: “Is-sitta fil-mija l-oħra huma tfal li m’għandhomx problema evidenti bħall-awtiżmu, imma għandhom problema fl-ipproċessar tal-lingwa. Minn kull mitt tifel jew tifla, qed nistennew li għaxra minnhom ikollhom xi nuqqas fl-iżvilupp tal-lingwa.”

Iżda apparti hekk, Dr Gatt spejgat ukoll li x-xewqa tagħha hi li din ir-riċerka jkollha mpatt ukoll fuq il-komunità globali tal-Lingwistika, speċjalment għaliex se titratta tendenzi bilingwistiċi ta’ stat sħiħ.

Hija saħqet: “Huwa bilingwiżmu tan-norma, ta’ pajjiż sħiħ, u dik għat-teorija lingwistika, u għall-informazzjoni ta’ kif it-tfal jiżviluġġaw il-lingwa, hija importanti ħafna. Nixtieq li din l-informazzjoni tikkontribwixxi xi ħaġa f’dak l-aspett ukoll.”

Ġenituri li huma interessati biex uliedhom jipparteċipaw fl-istudju, jistgħu jagħmlu kuntatt mat-tim fuq:

storytellingassessment@um.edu.mt 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend