Notifiki

Qbil bejn il-Gvern u l-MUMN dwar ħaddiema tas-saħħa ġejjin minn pajjiżi barra l-UE

Fi stqarrija konġunta, il-Gvern u l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN ħabbru ftehim dwar ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni u li jiġu ingaġġati fis-settur pubbliku biex jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.

Wara żewġ laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern, immexxija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u l-President tal-MUMN Paul Pace, u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Identity Malta, intlaħaq qbil li b’seħħ immedjat l-Aġenzija tibda tħaddem numru ta’ proċeduri li se jieħdu post il-proċeduri użati sa issa.

Fost oħrajn, infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa minn pajjiżi terzi b’kuntratt indefinit se jkollhom il-permess ta’ residenza validu għal tliet snin.

Dawn il-ħaddiema se jkollhom roħs sostanzjali fil-miżati għall-applikazzjoni ta’ permess tax-xogħol.

Fil-fatt l-ispiża totali se tkun ta’ €332.50, u se titħallas darba biss.

Dan minflok ma jsir ħlas totali ta’ €832.50 fuq perjodu ta’ tliet snin.

Il-ftehim jgħid ukoll li l-applikazzjoni għall-permess tax-xogħol għandha tiġi proċessata fi żmien ħmistax-il ġurnata xogħol.

Membri tal-familja, li huma mart, żewġ, iben jew bint l-applikant impjegat fis-settur pubbliku se jinħarġilhom ukoll permess ta’ residenza għal tliet snin, kemm-il darba l-applikazzjoni tiddaħħal flimkien ma’ dik tal-applikant prinċipali.

Kien hemm qbil ukoll li kull eżami mediku meħtieġ għall-impjegati fis-settur pubbliku, li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea jibqgħu isiru bla ħlas mis-servizzi tas-saħħa lokali.

Kemm-il darba l-impjegat jintemmlu l-impjieg tiegħu minn mas-settur pubbliku, dawn il-miżuri msemmija ma jibqgħux japplikaw.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend