Notifiki

Il-Kamra tal-Periti tilqa’ r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995

F’laqgħa mal-Kamra tal-Periti, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-ġustizzja fil-qasam tal-kirjiet tista’ ssir biss meta l-kera mħallsa tkun marbuta mal-valur reali tal-proprjetà.

Il-Ministru Galdes iltaqa’ mal-Kamra tal-Periti ftit jiem wara li l-Gvern ħabbar riforma tal-kera għal dawk li krew qabel l-elf disa’ mija u ħamsa u disgħin.

Din ir-riforma mistennija tfisser serħan il-moħħ għal minn tal-inqas għaxart elef familja, fosthom pensjonanti hekk il-Gvern irrijafferma li ħadd mhu se jibqa’ bla saqaf fuq rasu u sid il-proprjetà se jirċievi dħul iżjed xieraq mill-kirja.

Il-President tal-Kamra tal-Periti qal li l-Kamra tal-Periti qed tilqa’ b’sodisfazzjon din ir-riforma.

Spjega li laqgħat mal-Gvern jgħinu biex jifhmu fid-dettal kif se taħdem il-liġi proposta sabiex il-periti jkunu jistgħu anke jagħtu l-valutazzjoni indipendenti tagħhom fuq il-propretajiet inkwistjoni.

Qal, “Nagħtu gwida lill-periti bħala profesjonisti li huma kkwalifikati biex jagħmlu vatulazzjoni ta’ propjetà, naturalment din ir-riforma tiddependi ħafna wkoll fuq dawn it-tip ta’ valutazzjonijiet u allura qed nipprovaw naraw kif nistgħu nagħtu s-sapport tagħna biex din ir-riforma tidħol fis-seħħ bl-aktar mod effiċjenti u mingħajr skossi fl-industrija.”

Il-Ministru Roderick Galdes sostna li din ir-riforma, li kienet ilha meħtieġa għall-għexieren ta’ snin, qed tintlaqa’ tajjeb mill-partijiet involuti u l-imsieħba soċjali.

Spjega, “S’issa ħafna mill-imsieħba soċjali diġà espremew il-fiduċja tagħhom anke f’dan il-Gvern li jirriforma liġi li ovvjament hija kontroversjali ħafna, il-liġi tal-kera, imma aħna qed nirċievu l-feedback. Minn naħa tagħna ħa nkomplu nispjegaw anke d-dettalji ta’ din ir-riforma biex issa l-pass li jmiss, wara li nikkonsultaw mal-istake holders individwalment, immorru wkoll għal-liġi fil-Parlament fejn tibda d-diskussjoni għal dawn il-ġimgħat li ġejjin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend