L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, uża lil ONE News biex jibbottja lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Kien ftit ħin wara li ONE News żvela li d-deputat Jason Azzopardi huwa ieħor li għandu vizzju li ma jiddikjarax it-taxxa li Adrian Delia kiteb fuq il-paġna ta’ facebook.
Delia ried juri biċ-ċar li kemm ilu deputat ġab ruħu differenti minn Azzopardi.
“Tiegħi kollox niddikjara,” kiteb Adrian Delia wara li kien żvelat kif fil-każ ta’ Jason Azzopardi dan ma jgħoddx.
“Se nagħti l-kunsens tiegħi lill-Ispeaker għat-talba li għamiltu,” kiteb Delia fuq il-paġna tiegħu.
L-imkejjen fid-Dar Ċentrali ma damux ma interpretaw il-messaġġ ta’ Adrian Delia bħala battuta ċara lejn dak li ilu snin mqabbad miegħu.
Fil-fatt mhux darba u tnejn li Jason Azzopardi attakka lil Delia pubblikament.
Adrian Delia kiteb biss wara li ONE News espona l-aġir ta’ Jason Azzopardi.
Fil-fatt ONE News talab lill-Ispeaker jagħtina t-tax returns ta’ Jason Azzopardi iżda mir-risposta tal-Ispeaker irriżulta b’mod ċar li Jason Azzopardi mhux dejjem bagħat dawn ir-returns lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni biex hekk, Jason Azzopardi ma kienx qed jonora l-obbligi legali tiegħu, minkejja li jitkellem tant fuq governanza tajba.
Anke jekk illum Adrian Delia jgħid li kemm ilu fil-politika dejjem iddikjara d-dħul tiegħu qabel sar Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu kwistjonijiet kbar marbuta ma’ taxxa.
Id-destin ried li l-Kap ta’ warajh, Bernard Grech ukoll kien fl-istess sitwazzjoni.
Filwaqt li Delia kkummenta bil-battuti tiegħu, sa issa Bernard Grech żamm fommu mitbuq.
L-istess bħalma għamel Jason Azzopardi.
https://www.one.com.mt/2021/03/04/nizvelaw-jason-azzopardi-iehor-li-ma-jiddikjarax-it-taxxa/