Raġel ta’ 54 sena li jgħix Birkirkara jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li l-Ġimgħa waranofsinhar intlaqat minn bajla tal-konkos waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fuq bejt ta’ blokka t’appartamenti fix-Xgħajra.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.30pm fi Triq Orlando Żabbar fix-Xgħajra.
Immedjatament fuq il-post intalbet l-assistenza ta’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li mal-wasla tagħhom taw l-ewwel assistenza medika lir-raġel waqt li kienu għadu fuq il-bejt tal-blokka. It-tim mediku kien immexxi mit-tobba tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin.
Ftit tal-ħin wara waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn permezz tat-turntable ladder assistew fl-operazzjoni ta’ salvatġġ billi niżżlu l-vittma minn fuq il-bejt, m’għola erba’ sulari għal ambulanza li ħadet ir-raġel l-isptar.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.