Notifiki

Proġett ta’ diġitalizzazzjoni fl-Arkivju Notarili tal-Belt

Proġett ta’ diġitalizzazzjoni fl-uffiċċju tan-nutar tal-Gvern qed iwassal għall-iskenjar tal-atti notarili fl-arkivji b’sistema moderna li bl-introduzzjoni tagħha, dan l-istess uffiċċju esperjenza tnaqqis drastiku fin-numru ta’ nies li jżuru l-arkivji fiżikament.

Waqt żjara li saret fl-arkivju notarili, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega kif dan l-uffiċċju jirċievi mija u erbgħin talba kuljum għal kopja ta’ kuntratt jew att ieħor.

Spjega kif din is-sistema qed twassal biex iċ-ċittadini, jitħaffilhom il-proċess biex ikollhom aċċess għal dawn id-dokumenti.

Qal kif, “Proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex in-nies mill-kumdità ta’ darhom jinqdew tajjeb u jinqdew mingħajr ma jiġu fiżikament fil-post.  Huwa proġett li beda ftit xhur ilu.  Diġa wera figuri suċċess.  Ser inkomplu għaddejjin f’din id-direzzjoni u nżommu ċ-ċittadin fiċ-ċentru tar-riformi tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif din is-sistema saret b’investiment ta’ €100,000 b’fondi Ewropej.

Spjega, “Hawnhekk qegħdin naraw proġett li ħa s-somma ta’ mitt elf ewro biex isir dan il-proġett ta’ diġitalizazzjoni li imbgħad anke rigward kuntratti aktar antiki hemm programm ieħor għaddej ta’ restawr ta’ dokumenti antiki li jmur f’somma ta’ aktar minn erba’ miljun ewro biex nippreservaw anke l-istorja rikka li dawn id-dokumenti jirrakkontaw.”

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega kif din il-mewġa ta’ diġitalizzazzjoni qed tħalli effetti pożittivi fuq il-klijenti tas-Servizz Pubbliku fejn b’investimenti kbar fit-teknoloġija qed isir titjib kontinwu fis-servizz.

In-nutar prinċipali tal-Gvern Dr. Keith Francis German stqarr kif dan il-proġett kien hemm bżonnu ħafna hekk kif mis-sena 1922 is-sistemi baqgħu arkajiċi. Innota kif din id-diġitalizazzjoni bdiet wara li sar it-tibdil neċessarju fil-liġi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend