Il-Gvern u l-Malta Business Bureau jaqblu li se jkomplu jaħdmu ħalli jiżdied l-aċċess għall-fondi Ewropej.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li ġie ppreżentat bir-rapport ‘Improving the access to EU funds by private enterprise’ mħejji mill-Malta Business Bureau.
Ir-rapport jinkludi stħarriġ li sar fost għadd ta’ intrapriżi li fost affarijiet oħra taw il-fehmiet tagħhom dwar il-proċess tal-applikazzjoni tagħhom għall-fondi Ewropej u l-livell ta’ suċċess miksub minn dawn il-fondi.
Fost affarijiet oħra, mill-istħarriġ irriżulta li kien hemm kommunikazzjoni tajba bejn il-kumpaniji u l-awtoritajiet maniġerjali tal-Fondi Ewropej.
Il-parti l-kbira ta’ fondi Ewropej li bbenefikaw minnhom l-intrapriżi huma fondi indiretti amministrati mill-gvern Malti. Il-benefiċjarji wrew is-sodisfazzjon tagħhom għall-kisba ta’ dawn il-fondi u x-xewqa li jerġgħu japplikaw għal aktar fondi Ewropej. Dwar il-fondi diretti li l-intrapriżi privati japplikaw għalihom direttament mal-Kummissjoni Ewropea, ir-rapport juri li hawn ukoll jinħass impatt pożittiv fil-tul ta’ dawn il-fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li, mal-intrapriżi li bbenefikaw mill-fondi Ewropej, qed igawdu wkoll eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom. Mir-rapport ippreżentat irriżulta li fil-programm ta’ fondi għas-seba’ snin li għaddew inħolqu madwar 1900 impjieg u kien hemm aktar minn 1400 intrapriża li bbenefikaw mill-fondi Ewropej.
De Cesare qal li dan l-istudju sar għal diversi raġunijiet, fosthom biex tixħet dawl fuq id-diffikultajiet li diversi kumpaniji jħabbtu wiċċhom magħhom meta jippruvaw jaċċessaw fondi Ewropej; sabiex isiru rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn l-isfidi jiġu megħluba; u sabiex jinbeda proċess ta’ djalogu dirett mal-kumpaniji, fejn jintwera kif il-fondi Ewropej jistgħu jkunu ta’ għodda finanzjarja taħt ċertu kundizzjonijiet.
Is-Sur De Cesare spjega li r-riċerka turi li diversi kumpaniji li ppruvaw japplikaw għall-fondi rnexxielhom.
Ritratt: OPM_PS