Notifiki

DIRETT: Il-Prim Ministru jindirizza Business Breakfast dwar mudell sostenibbli għal Għawdex

10:20 – Waqt il-Business Breakfast ġie diskuss il-qasam edukattiv f’Għawdex, fejn fost l-oħrajn tkellmu l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, ir-Rettur tal-Universita ta’ Malta il-Professur Alfred Vella, il-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex Denise Mifsud kif ukoll Direttur tal-kumpanija prominenti tal-informatika f’Għawdex Carolin Hyzyk. Fost l-oħrajn hawnhekk ħareġ il-punt tal-importanza tal-preżenza tad-diġitalizzazzjoni f’Għawdex.

9:50 – Fil-gżira ta’ tliet għoljiet, il-Gvern ta’ Malta dalgħodu qed jorganizza Business Breakfast bit-tema ‘Mudell Sostenibli għal Għawdex’, fejn għaliha attendew bosta msieħba soċjali li jirrappreżentaw kull qasam f’Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif Gvern Laburista kien, għadu u se jibqa’ jħares lejn l-opportunitajiet li din il-gżira tista’ toffri, fosthom it-tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli. Saħaq li Għawdex ra rata ta’ tkabbir ekonomiku li tiżboq dik ta’ Malta.

Fejn jidħol ix-xogħol u ħolqien ta’ impjiegi, il-Perit Camilleri elenka bosta suċċessi li wettqet il-gżira Għawdxija fl-aħħar snin. Hawnhekk semma kif fl-aħħar xhur Għawdex kien sod u anke reżiljenti, filwaqt li sa 90% ta’ dawk l-Għawdxin li tilfu xogħlhom waqt pandemija reġgħu bdew jaħdmu. Tenna kif ir-rata ta’ tkabbir ta’ impjiegi kienet ukoll waħda pożittiva. Ma naqasx li jħares lejn kif Għawdex inbidel għal post fejn iż-żgħażagħ fl-aħħar snin ingħataw ukoll aktar opportunitajiet sabiex jaħdmu f’Għawdex stess u mhux imorru biex jaħdmu f’Malta jew f’ċertu sitwazzjonijiet barra l-pajjiż.

Fuq l-investimenti li ġibdet lejha l-gżira Għawdxija, il-Ministru Camilleri qal li dawn kienu ta’ natura kbira u li ħallew ir-rota ekonomika Għawdxija ddur. Saħaq li dan il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawn in-negozji. Spjega li l-ambjent ukoll se jibqa’ jingħata importanza, għax Għawdex huwa mdawwar b’natura mill-isbaħ li tiġber lejha numru sabiħ ta’ nies.

It-tieni Fibre Optic, il-Fast Ferry, l-iskola medika ta’ Barts, t-turiżmu u l-proġetti infrastrutturali wkoll ingħataw importanza fid-diskors tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Indirizzat dan il-Business Breakfast ukoll is-Soċjologa Mariella Debono li tat ħarsa dwar il-familji, l-edukazzjoni u anke xogħol f’Għawdex u kif dawn jistgħu jissaħħu.

Fil-ħin li ġej mistenni jindirizza lil dawk preżenti l-Prim Ministru Robert Abela.

AKTAR QABEL: Dalgħodu se jkun qed isir business breakfast f’Għawdex bit-tema ‘ Mudell Sostenibli għal Għawdex’. Apparti l-Prim Ministru Robert Abela, li se jindirizza dan il-business breakfast, mistennija l-interventi ta’ bosta kelliema Maltin u Għawdxin u anki barranin minn kull tessut tas-soċjetà. Dawn mistennija jgħidu l-ideat tagħhom dwar kif Għawdex jista’ jkompli jikber ekonomikament u b’mod sostenibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend