Notifiki

Uża l-kelma ħelwa tiegħu biex iferraħ lin-nies

L-għada li tħabbret il-mewt ta’ Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew, is-soċjetà tal-MUSEUM esprimiet id-diqa għat-telfa tar-raġel twajjeb li sal-aħħar baqa’ jferraħ lill-oħrajn.

Wieħed mis-soċji li wkoll jismu George Agius u bħal Ġorġ tal-Mużew, li miet fl-età ta’ 94 sena, hu mill-Birgu, qalilna kif jaf l-għannej tal-Mulej sa minn ċkunitu.

Agius qal magħna kif huwa kien jiltaqa’ ma’ Ġorġ diversi drabi, hekk kif Ġorġ tal-Mużew kien ko-operatur tal-MUSEUM.

Qal kif huwa jiftakar lil Ġorġ tal-Mużew jaqbad tal-linja filgħodu u jmur l-isptar sabiex jagħti kelma ta’ faraġ lill-pazjenti fl-isptar.

Agius qalilna, “Imma l-Mulej tah talent, dan it-talent li jqabbel il-kelma u l-ħlewwa li kellu u użaha ħafna. Fil-fatt, dan l-aħħar anke meta s-saħħa tiegħu bdiet tonqoslu, xorta waħda b’żewġ bsaten, kien imur u kien jgħidli ħa mmur filgħodu fl-outpatients għax hemmhekk ikun hemm ħafna nies u tista’ tagħmel daqsxejn ġid.”

Is-soċju tal-MUSEUM George Agius qal kif Ġorġ tal-Mużew kien jagħmillu kuraġġ tul ħajtu, u semma mument fejn kien jiltaqa’ ma’ Ġorġ.

Huwa kompla jgħidilna: “Ġorġ kien jagħmilli ħafna kuraġġ għax kien jgħidli, anke meta kont żagħżugħ kien jgħidli, kull żagħżugħ orrajt u sod daqs ħajt. U anke meta beda jikber u forsi s-saħħa bdiet tonqos, bqajt niltaqa’ miegħu l-Knisja u kien jimpressjonani l-mod ta’ kif kien jitlob, kultant forsi ma kienx jinduna kien ikun qed jgħajjat xi ftit waqt li jkun qed jitlob f’qalbu u kont nieħu gost nisimgħu, kont ngħid li dan ir-raġel minn hawn iġibha l-qawwa li jgħin daqshekk nies.”

Fl-aħħar tal-intervista miegħu, George Aguis qaralna silta minn dak li kien jgħid Ġorġ tal-Mużew.

Agius tenna: “Kien jgħid iż-żmien ta’ min jibża’ għalih għax itir aktar mir-riħ, ibża’, għaż-żmien taħlihx fix-xejn, użah dejjem għall-Mulej. Għall-mewt kun ippreparat, aħseb issa u mhux imbagħad.”

Illum kienu bosta li sellmu lil Ġorġ tal-Mużew, għaliex il-ferħ li ġab baqa’ f’qalbna.

Illum nistgħu nobsru biss kemm Ġorġ tal-Mużew qed jgħanni ħdejn dak li ħabb tul ħajtu kollha, il-Ħallieq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend