Notifiki

Jgħid li r-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 għad iridu jarawha l-avukati tal-PN 

L-Oppożizzjoni baqgħet iżolata waħidha kontra r-riforma dwar il-kirjiet ta’qabel l-1995, bil-Kap Nazzjonalista Bernard Grech spiċċa jgħid li l-Partit Nazzjonalista għadu bla pożizzjoni dwar din ir-riforma proposta. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti huwa u ħiereġ minn żjara li għamel fl-uffiċini ta’ kumpanija lokali, liema mistoqsijiet huwa spiċċa ħarab billi daħal jiġri f’lift, Bernard Grech spiċċa stqarr li l-Oppożizzjoni għadha trid tiddiskuti din ir-riforma proposta.

Bernard Grech qal, “L-Oppożizzjoni ser tkompli tanalizza u ser tkun qiegħda tiddiskuti internament ħalli mbagħad anke jkollna l-pożizzjoni uffiċjali u l-emendi ċari li aħna rridu.”

Bernard Grech spiċċa qal li biex ir-riforma tkun tajba trid tgħaddi minn taħt idejn l-avukati u esperti li għandu fil-Partit.

Huwa tenna: “Il-Partit Nazzjonalista tinsiex, jirrapreżenta ftit inqas min nofs il-popolazzjoni u għandu l-obbligu anke mill-esperjenza ta’ ċertu membri fi ħdanu li huma avukati imma anke wkoll permezz ta’ esperti li aħna nitkellmu magħhom illi dejjem ikun jista’ jikkritika ħalli l-affarijiet isiru aħjar.”

Evidentament skomdu quddiem il-persistenza tal-ġurnalisti meta kienu għadhom sarulu biss żewġ mistoqsijiet, Benard Grech lebbet lejn il-lift u rrifjuta li jieħu iżjed mistoqsijiet. Dan għalkemm kien għad hemm numru ta’ ġurnalisti li lanqas kienu għadhom għamlulu l-mistoqsija tagħhom.

Mistoħbi fil-lift wara l-kelliem tiegħu Alessandro Farrugia, Bernard Grech qal li għandu appuntament u m’għandux ħin għal iktar mistoqsijiet.  Meta mistoqsi minn ONE NEWS għaliex huwa daqsekk skomdu quddiem dawn il-mistoqsijiet, minn fuq wara tal-lift wieġeb li hu mhux skomdu. Dan filwaqt li Farrugia kompla jissara mal-lift biex jingħalaq malajr sabiex il-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jkomplu jistaqsu.

Meta kien mistoqsi: “Dan aspirant Prim Ministru ta’ pajjiż, ħa tibqa’ taħrab mill-ġurnalisti? Għaliex skomdu quddiem dawn il-mistoqsijiet?

Bernard Grech qal:  Lanqas xejn, lanqas xejn.”

Meta reġa’ kien mistoqsi: “Can we ask you questions then?”

Bernard Grech wieġeb: “I was answering your questions, now I have another appointment.”

Hekk kif il-lift baqa’ ma niżilx huwa kien kostrett iwieġeb xott xott għal-mistoqsija oħra sakemm reġa’ beda jgerger li l-ġurnalisti qed iżommulu l-lift.

Grech qal, “Qegħdin iżżommu l-lift, qegħdin iżżommu l-lift. Grazzi ħafna insellmilkom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend