Notifiki

BIL-FILMAT: Chris Fearne jiżvela li deputat Nazzjonalista talab biex iqabbeż lin-nies ħalli jieħu t-tilqima

Wara l-istqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament, l-Oppożizzjoni qamet biex tagħmel kummenti politiċi fuq il-Covid-19.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ qam jistaqsi u jinsinwa li l-Gvern qed iqabbeż lin-nies fl-għoti tat-tilqim għall-Coronavirus, bid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qam iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Chris Fearne kien ċar u qal li iva kien hemm min talbu biex jieħu t-tilqima qabel ikun ħaqqu fosthom wieħed mill-membri tal-grupp parlamentari Nazzjonalista ta’ Bernard Grech stess.

B’ton sod, Chris Fearne qal li lil dan id-deputat Nazzjonalista li ried jieħu t-tilqima qabel suppost wieġbu li le mhux lest itih it-tilqima qabel.

Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “Kien hemm nies, mela ma kienx hemm. Kien hemm min talabuni biex jaqbeż il-kju, kien hemm nies Kap tal-Oppożizzjoni illi talbuni biex jaqbżu l-kju għat-tilqima, fosthom Membru Parlamentari tiegħek stess, talabni biex jaqbeż il-kju. Imma għedtlu le, bħalma għedt le lil ħaddieħor u jekk għandek l-insinwazzjonijiet għamilhom ċari ħalli nirrispondik. Mela titfa’ l-insinwazzjonijiet u ma tgħidx x’inhuma.”

Intant fil-Parlament Chris Fearne spjega li inqas minn ġimagħtejn oħra se jibda jiftaħ ċentru ieħor ta’ tilqim fin-nofsinhar u ieħor fiċ-ċentru tal-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Mill-15 ta’ Marzu ħa niftħu ċentru ieħor kbir in-naħa t’isfel, ġewwa l-MCAST. Inkunu nistgħu nagħtu 1,000 tilqima kuljum u mill-ġimgħa li ġejja ħa niftħu ċentru ieħor ġewwa Boffa, biex nagħtu t-tilqim minn hemm ukoll.”

Chris Fearne spjega kif il-parir tal-vaċċin tal-AstraZeneca huwa li dan jingħata lil dawk taħt il-65 sena u fakkar li se jibdew jaslu l-istediniet għal dawk minn 75 sena ‘il fuq biex dawn ukoll jitlaqqmu.

Dwar dawk ‘il fuq minn 60 sena, Chris Fearne qal li l-vaċċin tal-AstraZeneca se jibda jingħata lilhom ukoll bħall-ħaddiema oħrajn li huma fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija u oħrajn li jkollhom kuntatt kontinwu man-nies bħall-pustiera u l-għalliema.

Id-Deputat Prim Ministru saħaq:  “Diġà bdejna, imma l-ġimgħa d-dieħla ħa nagħtu l-AstraZeneca lil dawk il-persuni kollha li għandhom bejn 60 u 65 sena, Mr Speaker, biex b’hekk inkunu qegħdin nolqtu l-iżjed nies li għandhom bżonn it-tilqima.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend