Notifiki

Diskussjoni fil-Parlament dwar id-divorzju: Il-PM jgħid li mhux lest jibqa’ passiv għat-tbatija tan-nies

Waqt id-diskussjoni dwar l-emendi fil-liġi tad-divorzju, it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan huwa l-mument tal-prova fejn jidher biċ-ċar kemm Gvern Laburista mmexxi minnu ma jibżax jagħmel differenza pożittiva f’ħajjet għexieren ta’ familji.

Saħaq li dak propost, jiġifieri li tiqsar it-triq għad-divorzju, se tagħti stabilità lin-nies.

Spjega, “Qiegħed inressaq ’il quddiem riforma oħra importanti. Din id-darba fil-liġi tad-divorzju, abbozz li niddeskrivih b’mod sempliċi ħafna. Riforma li se tneħħi d-dwejjaq tal-istennija bla bżonn għal min irid jibda familja ġdida jekk ikun fallilu l-ewwel żwieġ. Bidla li mhu se tieħu xejn mingħand ħadd.”

F’diskors ta’ kuraġġ, il-Prim Ministru qal li mhux lest jibqa’ wieqaf quddiem it-tbatija ta’ wħud li jixtiequ futur aħjar.

Tenna, “X’inhu l-iskop li tħalli koppja li diġà sseparat jew li ilha ma tgħix flimkien tħalliha erba’ snin ma tafx x’se tagħmel għada. Ġejt hawn fil-Parlament biex id-deċiżjoni li ħadna bħala Gvern tissarraf f’liġi. Mhux lest nibqa’ passiv għat-tbatija tan-nies.”

Fid-dawl li l-Kap tal-Opożizzjoni Bernard Grech kien kontra d-divorzju, il-Prim Ministru qal kif f’mument ta’ prova dawk fil-bżonn ma sabuhx ta’ għajnuna.

Qal kif, “Fil-mument tal-prova Sur Kap tal-Oppożizzjoni minflok kont spalla ma’ min għaddej min tbatija ridt timponi l-konservazjoniżmu fuq ħaddieħor, dak li int konvint fih. Aktar mil-lum se tara kif tbenġel argumenti favur dak li qed inressqu aħna n-nies se jindunaw li m’intix ġenwin.”

Fid-diskussjoni tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u fisser il-bidliet fil-liġi tad-divorzju bħala gambetta.

Qal, “Liġi li saret ta’ malajr biex jagħti gambetta lili.”

Bernard Grech naqas isemmi jekk il-grupp parlamentari Nazzjonalista b’mod sħiħ għandux pożizzjoni waħda fuq il-bidliet proposti għall-kisba tad-divorzju.

Intant għal aktar minn darba l-Prim Ministru Robert Abela tenna li ma jistax ikun li xi politiku jindaħal fil-ħajja personali tan-nies.

Qal, “X’sens tagħmel li inti tħalli lill-persuni jidħlu f’din it-tieni relazzjoni imma biex ikunu jistgħu jiżżewġu mill-ġdid tgħidilhom le. Issa oqgħodu stennew erba’ snin u wara tkunu tistgħu tidħlu fi żwieġ ġdid. X’loġika hija din? Taf x’naf? Għal għaxar snin din is-sitwazzjoni għalaqna għajnejjna u jien mhux nippermetti dan iżjed.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend