Notifiki

Ara liema kienu l-iżviluppi importanti li seħħew f’ġimgħa dwar żewġ omiċidji

It-Tnejn tnejn u għoxrin ta’ Frar, iltaqa’ l-Kabinett fejn irrakkomanda li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu jingħata l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, li ġara fit-tmienja ta’ Ottubru tal-elfejn u ħmistax f’Birkirkara.

Din il-proklama ġiet rakomandata fuq parir tal-Kumissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

L-għada, il-President ta’ Malta ffirma din il-proklama, fejn fost il-kundizzjonijiet hemm li Vince Muscat irid jgħid l-istorja veritiera kollha mill-bidu sal-aħħar dwar il-qtil tal-Avukat Chircop.

Fl-istess jum, Muscat flimkien mal-aħwa George u Alfred Degiorgio, li huma akkużati li huma l-eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tressqu l-Qorti.

Hawnhekk, Vince Muscat il-Koħħu wieġeb ħati u l-Imħallef Edwina Grima kkundannatu għal ħmistax-il sena ħabs.

Fl-istess ħin, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, il-pulizija għamlet operazzjoni ġewwa l-Baħrija u s-Swieqi, fejn ġew arrestati tliet persuni. Dawn huma l-aħwa, Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella.

It-Tlieta filgħaxija segwiet konferenza tal-aħbarijiet minn ġewwa Kastilja, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid kif f’pajjiżna tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt.

Qal, “Il-Gvern jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-ħidma tagħhom favur is-sewwa. Malta hija pajjiż fejn tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt.”

L-Erbgħa għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà indirizza konferenza tal-aħbarijiet, fejn fiha qal kif tnejn mit-tliet persuni li ġew arrestati qed ikunu investigati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Dan filwaqt li dawn tnejn mit-tliet persuni arrestati flimkien ma’ George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż jinsabu investigati bil-qtil tal-Avukat Chircop.

Il-Kummissarju tal-Pulzija Angelo Gafà spjega wkoll li f’dan l-istadju, il-pulizija temmen li għandha l-persuni kollha f’idejha li huma l-eżekuturi jew il-mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-Kummissarju tal-Pulizija qal lill-ġurnalisti li sal-lum il-pulizija m’għandha l-ebda evidenza li torbot xi politiku mal-qtil ta’ Caruana Galizia jew każ ieħor.

Kien għall-ħabta tal-ħdax neqsin għoxrin ta’ filgħaxija, x’ħin l-erba’ akkużati waslu fid-daħla ta’ wara l-Qorti, fejn waslu taħt sigurtà massima, b’diversi membri tal-Korp tal-Pulizija jgħassu l-bini tal-Qorti.

Wieħed mill-aħwa tal-Maksar, Adrian Agius ġie mixli li huwa l-mandant fil-qtil tal-Avukat Chircop, fejn wieġeb mhux ħati u wieġeb l-istess ħuh, Robert Agius li kien mixli li forna l-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-akkużat l-ieħor, Jamie Vella tressaq il-Qorti waqt li huwa pożittiv għall-Covid-19 bħall-aħwa tal-Maksar wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-qtil tal-Avukat Chircop, filwaqt li ċaħad ukoll li forna l-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Caruana Galizia.

Ir-raba’ akkużat li tressaq il-Qorti huwa George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, li għażel li la ma jwieġeb l-ebda mistoqsija.

Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex ikun hemm ordni tal-iffiriżar, bil-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Victor Axiak tilqa’ din it-talba u nżammu arrestati.

Għall-ħabta tal-ħdax u nofs u ħamsa ta’ filgħaxija, l-erba’ akkużati waslu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-ġurnata tal-Ħamis ħamsa u għoxrin ta’ Frar bdiet b’konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru Robert Abela, li qal kif il-fatt li l-Pulizija kompliet tressaq aktar nies il-Qorti b’rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma straħux fil-ħidma tagħhom għat-tiftix tal-verità u biex issir ġustizzja.

Qal, “Jgħarralu jekk hemm xi ħadd li jaħseb li f’dan il-pajjiż jista’ jgawdu minn xi impunità.”

Il-Ġimgħa sitta u għoxrin ta’ Frar, il-Maġistrat Marseann Farrugia rrikużat ruħha milli tisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-erba’ akkużati. Dan hekk kif hija kienet qed twettaq l-inkjesti b’rabta mal-qtil ta’ Carmel Chircop.

Dawn l-aħħar żviluppi waslu għal diversi kummenti ta’ tifħir lejn l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.

Fost dawn hemm il-membru tal-Kumitat LIBE, l-Ewroparlamentari Olandiża Sophie in ‘t Veld, li faħħret ir-riformi kbar li għamel pajjiżna sabiex ikompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.

L-Istitut Internazzjonali tal-Ġurnalisti wkoll faħħar lill-pajjiżna, hekk kif sejjaħ dawn l-avvenimenti ta’ matul din il-ġimgħa bħala żviluppi importanti.

Intant it-Times irrappurtat li l-Pulizija fetħet mill-ġdid investigazzjoni li tmur lura għal qtil li seħħ fl-2014, dan wara koperazzjoni minn Vince Muscat.

Fit-Times intqal kif sorsi qrib l-investigazzjoni, identifikat lis-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Jonathan Pace ta’ 31 sena miż-Żejtun, li kien magħruf ukoll bħala tat-Tyson Butcher.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend