Notifiki

L-MCAST f’Għawdex: ċentru ta’ eċċellenza li qed jinvesti fl-operat u fl-istudenti Għawdxin

Waqt żjara uffiċjali fil-kampus tal-MCAST f’Għajnsielem il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, qalet li b’ħidma u b’koordinament għaqlin, il-kampus tal-MCAST f’Għawdex qed ikompli dejjem itejjeb l-operat tiegħu biex jibqa’ jkun ċentru ta’ eċċellenza li joffri opportunitajiet ta’ kwalità lill-istudenti Għawdxin f’Għawdex stess, u għal dan se jsib dejjem l-appoġġ tiegħi u tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Il-Ministru Caruana, li kienet akkumpanjata mill-Prof. Joachim James Calleja, li hu l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, iltaqgħet mal-letturi fil-kampus u mal-istudenti u nediet uffiċjalment l-app ġdida, MyMCAST, li hija pont siewi ta’ kuntatt bejn il-kulleġġ u dawk kollha li jkollhom bżonn informazzjoni u kuntatti fi ħdan l-MCAST, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija.

L-MCAST f’Għawdex toffri opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fis-setturi vokazzjonali u professjonali għall-istudenti Għawdxin f’Għawdex stess, fl-isfond tal-limitazzjonijiet relatati mal-economies of scale ta’ gżira żgħira u l-isfidi li dawn iġibu magħhom. Matul is-snin, l-MCAST kompliet tiżviluppa u tifrex l-opportunitajiet billi żiedet il-korsijiet f’livelli u f’oqsma vokazzjonali differenti. Illum, l-MCAST toffri għażla wiesgħa ta’ korsijiet f’oqsma varji li wħud minnhom jaslu sas-sitt livell tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiki.

Fis-sena akkademika 2020-21, fil-kampus ta’ Għawdex għaddejjin 21 kors minn 24 offruti fil-prospett 2020-21 li jvarjaw minn: Informatika, Inġinerija, Accounting, Finanzi, Hairdressing, Saħħa, Ħarsien u Kura Soċjali għal edukazzjoni bikrija u edukazzjoni inklussiva.

Waqt din iż-żjara tal-Ministru Caruana ntqal li l-kampus għandu popolazzjoni ta’ kważi 250 student full-time. L-istaff akkademiku jinkludi 34 lettur full-time u 16 fuq bażi part-time.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni saħaq li l-korsijiet offruti mill-MCAST f’Għawdex jgħaddu mill-istess għarbiel rigoruż bħal dawk f’Malta biex ikun assigurat li jinżammu l-istess standards għoljin ta’ tagħlim, taħriġ u assessjar, kif dejjem jirriżulta mill-quality audits interni u esterni li jsiru minn żmien għall-ieħor.

Fl-aħħar snin, il-kampus tal-MCAST f’Għawdex beda wkoll iħares lejn possibilitajiet ġodda biex ikompli jżidu l-opportunitajiet ta’ tagħlim anke permezz tal-użu tat-teknoloġija u tal-video conferencing. Għal dan l-għan, sar investiment ta’ aktar minn €60,000 f’sistema moderna u avvanzata ta’ videoconferencing u collaborative learning, fl-infrastruttura tan-netwerk tal-kampus u upgrade tal-link li tgħaqqad lill-kampus ta’ Għawdex ma’ dak ta’ Raħal Ġdid. Is-sena li għaddiet, fuq medda ta’ sentejn, beda investiment ta’ madwar €190,000 f’tagħmir ġdid li jinkludi Electronic Test & Measurement Equipment, PLC Automation Training Equipment, Power Electronics Equipment u Renewable Energies Equipment, apparti investiment infrastrutturali.

Min-naħa tiegħu, il-Prof. James Calleja stqarr li hu, żvilupp pożittiv tal-pandemija kien li tħaffef il-pass fl-implimentazzjoni ta’ tagħlim permezz ta’ pjattaformi diġitali. Huwa sostna li mal-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi minħabba l-COVID-19, saret qalba għal tagħlim u assessjar online li permezz tagħha rnexxielna nagħlqu ħafna mill-korsijiet, b’mod diġitali, iżda fiż-żmien ippjanat.

Prof. Calleja sostna li minħabba n-natura vokazzjonali u teknika tal-programmi, f’xi wħud mill-korsijiet, komponenti prattiċi u assessjar prattiku saru aktar tard bejn Lulju u Settembru. Din l-esperjenza qed tiswa biex jitwessgħu l-għarfien u l-kompetenzi tal-MCAST biex il-kulleġġ ikompli jespandi l-opportunitajiet għall-istudenti permezz ta’ dawn il-blended delivery approaches fiż-żmien li ġej, għall-benefiċċju tal-Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend