Notifiki

Il-membri tal-Korp tal-Pulizija se jibdew jingħataw taħriġ akkreditat f’livelli differenti

Il-Ħamis filgħodu ġie ffirmat ftehim bejn il-Korp tal-Pulizija, l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati u l-Università ta’ Malta biex jingħata taħriġ akkreditat lill-membri tal-Korp. Dan it-taħriġ se jkun tal-ogħla livell possibbli, u se jkun rikonoxxut ukoll minn istituzzjonijiet edukattivi barranin.

Il-ftehim se jirregola l-progress edukattiv il-Korp tal-Pulizija minn kuntistabbli għal supretendent, jiġifieri minn livell MQF 4 sa livell MQF 7, hekk kif kull grad jirrikjedi livell edukattiv speċjalizzat. B’hekk, aktar persuni se jkomplu jistudjaw u jtejbu l-karriera tagħhom fil-Korp stess. Il-membri tal-Korp se jkollhom ukoll aċċess għal-librerija tal-Università, u se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi li jiġu organizzati f’Malta u anke barra. Dan apparti li jistgħu anke jużaw faċilitajiet tat-tagħlim virtwali.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega li dan huwa bażi għall-bidliet li jridu jkunu implimentati fuq numru ta’ snin fil-Korp, bħala parti mill-istrateġija ta’ trasformazzjoni. Il-Ministru ddeskriva dan il-ftehim bħala pass ieħor li se jibni fuq ir-riformi li diġà saru biex il-Korp ikun aktar modera.

Il-Kummisarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-missjoni tal-Korp hi li dan ikun wieħed professjonali u fdat mill-pubbliku, u dan il-ftehim se jwassal biex il-Korp tal-Pulizija jkun aktar attrezzat għall-isfidi tal-ġejjieni.

Ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred Vella, qal li dan huwa ftehim importanti li mhux biss jibbenefika lill-membri tal-Korp, iżda wkoll lis-soċjetà li l-Korp iservi u jipproteġi b’tant dedikazzjoni. Hawnhekk wiegħed l-appoġġ tal-Università fi kwalunkwe proġett simili li jista’ jkun hemm fil-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend