Notifiki

Ħal Safi se jaddatta għall-persuni bid-dimensja

Ħal Safi se jkun qed jinbidel f’raħal li jaddatta għall-persuni bid-dimensja. Dan hekk kif ċentru ta’ matul il-jum ġdid se jkun qed jilqa’ fih persuni bid-dimensja sa tmiem din is-sena.

Iżda biex dan iseħħ ir-residenti kollha ta’ Ħal Safi se jingħataw taħriġ u anke għajnuna biex ikun u jafu kif għandhom iġibu ruħhom ma’ dawn in-nies.

Għan ewlieni għal dan il-proġett huwa sabiex in-nies bid-dimensja ma jibqgħux magħluqin bejn l-erba’ ħitan tad-djar, iżda jintegraw mal-komunità.

Il-Professur Charles Scerri, espert f’dan il-qasam, spjega l-kunċett ewlieni ta’ dan il-proġett.

Huwa spjega: “Inti tibdel il-komunità fejn in-nies ta’ din il-komunità tilqa’ b’idejha miftuħa persuni bid-dimensja u permezz ta’ hekk tgħinek biex tnaqqas l-istigma f’din il-kundizzjoni partikolari. Hija komunità li tkun mgħarrfa fuq din il-kundizzjoni u hija komunità li tagħraf il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal kif dan il-proġett se jara wkoll x’inhuma l-bżonnijiet tal-familji ta’ persuni bid-dimensja.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Nafu li għal kull persuna li tbati bid-dimensja mill-inqas erba’ persuni fil-familja jkunu qed ibatu psikoloġikament waqt li qed jagħtu l-attenzjoni lil dik il-persuna. Bil-ftehim li għadna kif iffirmajna ġewwa Ħal Safi bi preparazzjoni għall-ftuħ taċ-Ċentru qed nippreparaw flimkien mal-Kunsilli Lokali l-prearamenti ta’ għarfien ġewwa l-villaġġ.”

Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula saħaq kif il-komunità hija ħerqana sabiex tilqa’ lin-nies bid-dimensja.

Sal-lum l-unika ċentru li huwa ddedikat apposta lejn in-nies bid-dimenjsa hija Dar Padova f’Għawdex, u b’hekk issa Malta se jkollha l-ewwel ċentru ta’ dan it-tip.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend