Notifiki

Skemi ġodda għal dawk li jridu jinvestu f’pannelli solari

Mill-Ġimgħa, wieħed jista’ japplika għal ħames skemi tal-pannelli solari tad-djar residenzjali biex il-familji jkollhom kontijiet orħos.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li b’dawn l-iskemi favur użu ta’ enerġija rinovabbli, il-Gvern qed jitfa’ disa’ miljun ewro fil-bwiet tan-nies.

L-ewwel skema hija mmirata għal dawk li jixtru l-pannelli għall-ewwel darba b’garanzija għall-għaxar.
Dawn se jiċievu għotja massima ta’ elfejn u ħames mitt ewro.

It-tieni pakkett huwa offrut għal dawk li għandhom il-pannelli b’invertor u jridu jżidu l-batterija, fejn se tingħata għotja massima ta’ tlett elef ewro.

It-tielet skema mħabbra hija miftuħa għal dawk il-familji li jridu pannelli li jkollhom sistema bil-ħażna tal-enerġija magħha, fejn se tingħata għotja ta’ sitt elef u sitt mitt ewro.

Ir-raba’ skema hija dik miftuħa għal dawk li diġà għandhom il-pannelli u jixtiequ jżidu l-ħażna bil-batterija.

Din tista’ twassal għall-għotja massima ta’ ħamest elef u erba’ mitt ewro.

Il-ħames skema hija miftuħa għal dawk li jridu jmorru għal sistema li taħdem bil-batterija, fejn se jkollu massimu ta’ tlett elef u sitt mitt ewro.

Dawn il-pakketti kollha għandhom feed-in tariff ta’ għaxar ċenteżmi u nofs għal għoxrin sena.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Inġinier Sandro Lauri qal kif dawn l-iskemi se jkunu qed jgħinu lill-familji.

Qal kif, “Għandna pakketti li se jgħinu households li jixtiequ jinvestu f’panelli, imma m’humiex lesti għalissa li jinvestu f’batterija, għandna pakkett fejn bniedem jixtieq jinvesti f’pannelli li huma battery-ready mingħajr il-batterija. Oħra għal min jixtieq jinvesti f’panelli bil-batterija b’kollox integrata.”

Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Dalli qalet kif il-Gvern se jkun qed jgħin li dawk in-nies li xtraw il-pannelli fotovoltajiċi fl-elfejn u għaxra biex jieħdu l-massimu tal-investiment li kienu għamlu hekk kif taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm anomalija li l-feed-in tariff tagħhom tispiċċa wara sitt jew tmien snin.

Dan meta hu magħruf li l-pannelli jiġġeneraw l-enerġija għal madwar għoxrin sena u permezz tal-feed-in tariff, dawk li għandhom il-pannelli jieħdu rati vantaġġjużi b’rabta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

Miriam Dalli qalet kif dawk li kienu fuq skema tal-feed-in tariff li skadiet wara sitt snin, se jibqgħu taħt din l-iskema għall-erbatax-il sena oħra, filwaqt li dawk fuq skema għal tmien snin biss, dan il-Gvern se jżommhom taħt l-iskema għall-għoxrin sena, billi jagħtihom tnax-il sena oħra.

Qalet li, “Il-Gvern Nazzjonalista kien daħħal skema fis-sena 2010 ta’ feed-in tariff li skadiet wara 6 jew 8 snin, illum il-ġurnata għandna familji li lanqas irrealizzaw li dik l-iskema tagħhom, intemmet b’dak il-mod. Allura aħna rridu nċertaw ruħna li dawk in-nies li investew fi ġranet daqshekk bikrija ta’ meta s-sistema rinovabbli daħlu f’pajjiżna, naraw li l-investiment tagħhom jieħdu l-massimu tiegħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend