Notifiki

Alex Agius Saliba jikseb rebħa oħra fil-kumitat tal-impjiegi, bi pressjoni għal aktar flus għall-ħaddiema, iż-żgħażagħ u t-tfal

F’vot fil-Kumitat tal-Impjiegi tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba rnexxielu jassigura finanzjament aktar b’saħħtu għal ħafna programmi progressivi tal-S&D għaż-żgħażagħ, it-tfal, in-nisa, il-ħaddiema, is-saħħa, il-klima, it-tranżizzjoni, u l-irkupru mill-kriżi. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.

L-ewroparlamentari Alex Agius Saliba stqarr: “Il-budget tal-Unjoni Ewropea huwa ċ-ċans tagħna li nuru liċ-ċittadini, liż-żgħażagħ tagħna, u lit-tfal li ninsabu magħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Il-kriżi Covid ser tkompli timpatta u taffettwa severament is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-persuni. Il-miżuri ta’ trażżin f’ħafna pajjiżi kixfu l-fraġilità finanzjarja ta’ miljuni ta’ familji, ħaddiema, u negozji li għandhom diffikultajiet biex jiltaqgħu mal-għanijiet.”

Huwa spjega li sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons mingħajr preċedent, u huwa għalhekk li l-budget tal-Unjoni Ewropea huwa kruċjali biex jiżgura l-protezzjoni soċjali u inizjattivi ta’ politika li jistgħu jwittu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi u jiżguraw tranżizzjoni ġusta u reżiljenza soċjali għaċ-ċittadini Ewropej.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba sostna li l-pożizzjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi, bħala l-Kumitat li jħares u jiddefendi l-interessi diretti tal-ħaddiema, hija kruċjali f’dan ir-rigward.

Il-Partit Laburista sostna li minkejja l-Oppożizzjoni u l-vot kontra tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u tal-Partit Popolari Ewropew, Alex Agius Saliba insista fuq il-bżonn ta’ aktar ambizzjoni u investimenti mill-Istati Membri fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-iskemi ta’ Garanzija għat-Tfal. Huwa rnexxielu wkoll jassigura l-appoġġ tal-Kumitat għal sejħa għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tal-Qgħad permanenti.

“Ninsab kburi li gruppi politiċi oħra raw l-importanza li jgħinu liż-żgħażagħ u t-tfal Ewropej u appoġġjaw il-proposti tiegħi li se jgħinu lil ħafna. Diġà qabel il-kriżi, aktar minn kwart tat-tfal kollha fl-Unjoni Ewropea kienu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, u fil-kuntest tal-irkupru mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u l-qgħad fost iż-żgħażagħ se ssir saħansitra aktar importanti,” saħaq il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba.

Agius Saliba esprima wkoll id-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u l-Partit Popolari Ewropew ivvutaw kontra r-rimarki kritiċi tiegħu dwar il-Parlament Ewropew għat-tkeċċija ta’ 60 impjegat li kienu ngaġġati bħala ħaddiema esterni fis-servizzi tal-catering tal-Parlament. Huwa qal li l-biċċa l-kbira tas-setturi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 kienu setturi essenzjali, li wħud minnhom għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji.

L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba tenna: “Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-eżempju biex iżomm kemm jista’ jkun ħaddiema essenzjali fix-xogħol matul il-pandemija, u għandhom isiru sforzi speċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rikonoxximent ta’ dawn is-setturi.”

Dr Agius Saliba saħaq: “Huwa diffiċli li wieħed jifhem l-Oppożizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew għall-provvista ta’ riżorsi suffiċjenti u għall-għajnuna lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema essenzjali. Iżda ninsab kuntent li minkejja dan, il-Kumitat aċċetta l-proposti kollha tiegħi, u issa għandna pożizzjoni soċjalista b’saħħitha li ssaħħaħ l-azzjonijiet finanzjarji għall-qgħad, il-ħaddiema u l-gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ u t-tfal. Peress li l-impatt sħiħ tal-kriżi għad irid jiġi, il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropew għandu jirrifletti l-prijoritajiet taċ-ċittadini filwaqt li jżomm ukoll id-dimensjoni soċjali li ma tħalli lil ħadd lura.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend