ŻVILUPPI QTIL DCG: Il-PM jgħid f’Malta tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt

F’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Abela qal li Malta hija pajjiż fejn fih tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt.

Qal li pajjiżna għamel pass ieħor ‘il quddiem lejn l-għeluq ta’ din il-ferita fl-istorja ta’ pajjiżna.

Qal kif, “Il-Gvern jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-ħidma tagħhom favur is-sewwa. Malta hija pajjiż fejn tabilħaqq tirrenja s-saltna tad-dritt.”

Spjega kif il-fatt li persuna li tressqet il-Qorti ammettiet il-ħtija u weħlet piena ta’ priġunerija ifisser li l-istituzzjonijiet jaħdmu u rridu nagħmlu dan b’ġustizzja mal-familja ta’ Caruana Galizia u ma’ Malta.

Qal li l-Kabinett irrakkomanda li tingħata l-maħfra presidenzjali lil Vince Muscat fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop sitt snin ilu.

Dan kollu wassal ukoll għall-arrest ta’ persuni b’rabta ma’ żewġ omiċidji.

Spjega, “Min-naħa tiegħu l-President tar-Repubblika llum approva li tingħata l-proklama lis-Sur Vincent Muscat taħt numru ta’ kundizzjonijiet. Ninsab infurmat ukoll mill-Kummissarju tal-Pulizijali fl-aħħar sigħat ġew arrestati numru ta’ persuni b’rabta ma’ dan l-omiċidju. Jirriżulta li dan wassal ukoll biex il-pulizija intensifikat l-investigazzjonijiet tagħha b’rabta mal-omiċidju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.”

Il-Prim Ministru saħaq li hu għandu fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija biex imexxi l-investigazzjonijiet u fl-Avukat Ġenerali.

Qal li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jagħti appoġġ lill-investigazzjonijiet.

Intant mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li sa issa ma jirriżultax li hemm persuni li huma jew kienu fil-politika li kienu involuti fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Saħaq ukoll li dwar każijiet oħra hemm investigazzjonijiet oħrajn u li sa issa ma jurix li kien hemm persuni marbuta mal-politika li huma involuti iżda rendikont dettaljat ta’ investigazzjonijiet oħra jagħtihom il-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend