Notifiki

Titwaqqaf assoċjazzjoni biex tippromwovi l-beatifikazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani

Twaqqfet assoċjazzjoni bl-isem ta’ Henry u Inez Casolani fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, bil-għan li din tippromwovi l-kawża ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, koppja miżżewġa li għexu ħajja Nisranija devota u eżemplari. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kurja.

Inez Casolani twieldet Bormla fl-1915 u kienet mħarrġa bħala għalliema. Kienet għalliema b’vokazzjoni u, għalkemm waqfet minn din il-professjoni wara ż-żwieġ, baqgħet tgħallem il-privat b’xejn lit-tfal li kienu ġejjin minn familji fil-bżonn. Hija mietet fl-1992.

Filwaqt li żewġha, Henry Casolani twieled fl-1917 fil-Belt. Huwa kien artist kapaċi li dejjem żamm lura milli jiftaħar bit-talenti tiegħu. Matul it-Tieni Gwerra Dinija ġie ssekondat mar-Royal Army Medical Corps u wara l-gwerra kien ingaġġat bħala senior draughtsman mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Huwa miet fl-1999.

Il-koppja żżewġet f’April tal-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta.

Il-Kurja qalet li l-ispiritwalità tal-koppja Casolani kienet imsejsa fuq il-quddiesa ta’ kuljum, is-sagramenti, it-talb, ir-rużarju, iż-żjarat quddiem Ġesù Sagramentat u riflessjoni ta’ kuljum fuq il-Kelma ta’ Alla. L-azzjonijiet u l-kliem tagħhom ħallew marka fuq dawk kollha li ltaqgħu magħhom peress li dawn kienu jixhdu għall-imħabba li kellhom lejn Alla u lejn ħaddieħor. Wara li mietu bosta ħbieb u konoxxenzi tal-koppja taw xhieda tal-ħajja devota u qaddisa tagħhom. Il-fama ta’ qdusija tagħhom żdiedet hekk kif iktar persuni bdew jitolbu bl-interċessjoni tagħhom.

It-talba biex tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħhom ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tal-Knisja fl-2007 u nfetħet uffiċjalment mill-Arċisqof Scicluna fl-2015, wara li rċieva n-nihil obstat tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin. Minħabba li l-koppja kienet Terzjarja tal-Ordni ta’ Santu Wistin, il-kawża ġiet fdata f’idejn il-Postulatur Ġenerali tal-Agostinjani f’Ruma.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend