Titħabbar aktar protezzjoni fuq is-siti ta’ Natura 2000 – One News

Notifiki

Titħabbar aktar protezzjoni fuq is-siti ta’ Natura 2000

Ordni ġdida ta’ protezzjoni maħruġa din il-ġimgħa mill-ERA ser iżżid l-infurzar u l-immanġġjar tas-siti tal-Għadira s-Safra u l-Iskoll tal-Għallis.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia hekk kif spjega li permezz ta’ proviżjonijiet ġodda issa l-ERA se tindirizza l-espansjoni taż-żona protetta mill-Awtorità u li hija biswit il-blat tal-Għallis.

Permezz ta’ dan l-avviż il-ġdid issa l-ERA tista’ tinforza ċertu attivitajiet li affettwaw lil dan is-sit, inkluż ir-rimi ta’ skart, nirien fil-beraħ u barbeques madwar is-sit kollu, kif ukoll aspetti oħra relatati mal-abbuż ta’ ċertu speċi u l-introduzzjoni ta’ speċi oħra mhux endemiċi.

Marie Therese Gambin mit-Taqsima tal-Bijodiversità u l-Ilma fi ħdan l-ERA spjegat li r-regolamenti l-ġodda se jassiguraw aktar protezzjoni permezz ta’ konservazzjoni u mmaniġġjar tal-abitat naturali u l-ispeċi li jgħixu f’dan is-sit, kif ukoll jippermettu l-implimentazzjoni għal miżuri ta’ konservazzjoni f’dan is-sit.

Magħna spjegat ukoll li din iż-żona protetta hija mħarsa mill-Kaċċaturi San Ubertu.

Gambin qaltilna: “F’dan is-sit partikolari ħdimna ma’ diversi entitajiet fosthom anke pereżempju Ambjent Malta imma għandna wkoll management agreement mal-kaċċaturi San Ubertu fejn aħna niddiskutu magħhom il-miżuri li għandhom isiru u noffru fondi biex dawn ikunu jistgħu jitwettqu biex dan l-ambjent jitgawda u kulħadd jifhem l-importanza tiegħu.”

Il-President tal-Kaċċaturi San Ubertu Mark Mifsud Bonnici saħaq fuq l-importanza li jiġu protetti dawn is-siti.

Huwa stqarr: “Il-benefiċċju li nżommu siti bħal dawn fl-istat u nikkonservawhom huwa ovvjament li dawn is-siti maż-żminijiet qed jonqsu jiġifieri huwa importanti li l-ftit li fadal nibżgħu għalih u ngħożżuh.”

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif din iż-żona kollha tilqa’ sit Natura 2000, li jilqa’ fih bosta speċi ta’ flora u fawna li huma dipendenti fuq l-ilma salmastru waqt l-istaġun tax-xitwa.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Hawnhekk qed naraw li ser inkomplu nsaħħu l-bijodiversità anke permezz ta’ ilma salmastru li se jkompli jgħin l-ispeċi, il-flora u l-fawna li hawn biex b’hekk dan il-post intuh lura lill-familji Maltin u Għawdxin, igawdu l-bijodiversità u l-ekosistema tal-pajjiż.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *