Notifiki

Riċerkaturi Maltin isibu speċi ġdid ta’ burqax

Riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta sabu speċi ġdida ta’ ħuta u li hija simili ħafna għall-Burqax li jinstab ħafna kemm fil-baħar Mediterran u anke fil-Lvant tal-Atlantiku.

Grazzi għal din l-iskopertà mit-tim ta’ riċerkaturi mmexxi mill-Professur Adriana Vella mill-Grupp ta’ riċerka għall-Konservazzjoni tal-Bijoloġija fi ħdan id-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva BICREF issa tista’ tiġi aġġornata l-lista tal-biodiversità fil-baħar.

Dwar dan ONE News tkellem ma’ Dr Noel Vella li ħa sehem f’dan l-istudju importanti.

Huwa spjega li morfoloġikament dawn l-ispeċi jidhru l-istess madankollu l-ġenetika tagħhom hija ferm differenti.

Dr Vella spjega: “Għalkemm rajna li morfoloġikament kif jidhru dawn l-ispeċi minn barra huma simili ħafna, ġenetikament innutajna li huma speċi differenti u allura la huma speċi differenti ma nistgħux ngħidu li huma l-istess jiġifieri fejn qabel konna ngħid li hemm speċi waħda ta’ Burqax, issa qed ngħidu li hemm oħra.”

Huwa fisser wkoll uħud mill-metodi ta’ riċerka li ntużaw f’dan l-istudju: “Ir-riċerka tinvolvi kemm fieldwork jiġifieri li inti tmur fl-ambjent tagħhom u tiltaqa’ mas-sajjied u tara l-qbid li jkun hemm, isir monteraġġ tal-ħut imma barra minn hekk kif qed ngħidu minħabba li dawn l-ispeċi jkunu kultant simili ta’ xulxin allura r-riċerka tkun tinvolvi wkoll studji ġenetiċi.”

Temm isostni għaliex kien importanti li tiġi identifikata din l-ispeċi l-ġdida ta’ din il-ħuta.

Dr Vella tenna: “Xjenzat minn barra issa jafu bl-eżistenza ta’ din l-ispeċi u jistgħu jsir aktar studji speċifiċi biex inkunu nistgħu nagħrfu l-bijoloġija ta’ din l-ispeċi li identifikajna. Jiġifieri x’tiekol, x’fond tippreferi, hija l-istess li nsibu bħal dik fil-Mediterran bħala bżonnijiet biex tgħix?”

Huwa temm jappella sabiex f’każ li xi ħadd jinnota speċi ta’ ħut li qatt ma jkun ra qabel, jagħmel kuntatt ma’ dan id-dipartiment billi jibgħat email fuq adriana.vella@um.edu.mt

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend