Fi żmien qasir l-għalliema tas-snin bikrin u tal-primarja se jkollhom f’idejhom glossarju bilingwi ta’ termini matematiċi, ħabbret dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa mal-grupp ta’ esperti li qed jikkumpila l-glossarju, u li matulha ġie diskuss il-progress li sar f’dan il-proġett.
Fil-laqgħa, il-membri tal-grupp ta’ ħidma fissru l-għan prinċipali tal-glossarju, fi ftit kliem, li jkun hemm ġabra komprenssiva ta’ termini matematiċi bil-Malti u bl-Ingliż. Dan il-glossarju għandu jservi ta’ għodda utli għall-għalliema u għall-istudenti billi f’Malta, ħafna drabi, il-matematika tiġi mgħallma biż-żewġ lingwi. B’hekk ukoll, l-ilsien Malti qed jingħata aktar importanza billi jkun infilzat f’suġġetti li fihom normalment jintuża l-ilsien Ingliż.
Fi stqarr maħruġa mill-Ministru għall-Edukazzjoni ntqal li sal-lum inġabru t-termini ta’ għadd kbir ta’ oqsma matematiċi li jintużaw fis-snin bikrin u fil-primarja, filwaqt li miexi ġmielu x-xogħol fuq it-termini ta’ oqsma oħrajn. Fil-fażi tal-kumpilazzjoni tat-termini se jkun hemm kemm verżjoni online kif ukoll stampata tal-glossarju, u d-dokument se jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika.
Il-proġett tal-Glossarju Bilingwi ta’ Termini Matematiċi qed isir mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, u l-membri tal-grupp ta’ ħidma huma Prof. Marie Therese Farrugia (L-Università ta’ Malta), li tmexxi l-grupp; is-Sur David Muscat u Dr Lara Ann Vella (L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu) u s-Sa Melanie Casha Sammut (id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar tal-Ministeru għall-Edukazzjoni).