Notifiki

Jinżamm arrestat wara li allegatament inqabad b’60 pakkett kokaina fuqu lesta biex tiġi traffikkata

Lyon Bonnici nżamm arrestat wara li s-Sibt filgħaxija allegatament inqabad f’roadblock f’Birkirkara b’60 pakkett ta’ droga kokaina fuqu, lesta biex tiġi traffikata.

Bonnici li għandu 31 sena u li joqgħod il-Mosta, tressaq il-Qorti t-Tnejn filgħodu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Justyne Grech u l-Ispettur Roderick Spiteri spjegat li s-Sibt filgħaxija Bonnici ġie ordnat jitwaqqaf f’roadblock fil-Wied ta’ Birkirkara.

Huwa mmanuvra l-vettura tiegħu biex jevita dan ir-roadblock u anke pprova jaħrab minn fuq il-post. Kien hemmhekk fejn huwa nqabad mill-Forzi Armati ta’ Malta u ġie mmanettjat fuq il-post.

Wara spezzjoni ġewwa l-vettura tiegħu tat-tip Suzuki nstabu 60 pakkett b’sustanza suspettata kokaina u li dehret li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Wara aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-vettura ta’ Bonnici kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.

Aktar tard huwa mal-Pulizija ammetta li fil-ġimgħat ta’ qabel kien f’pussess ta’ droga kannabis ukoll.

Il-Prosekuzzjoni permezz tal-Ispettur Grech spjegat ukoll kif Bonnici kiser diversi kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li kellu f’żewġ kawżi oħra passati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend