Imniedi ġurnal ta’ riċerka mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi

L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, l-IPS, nieda l-ewwel ħarġa ta’ ġurnal akkademiku ġdid li se jibda jiġi ppubblikat darbtejn fis-sena u li jiġbor fih riċerka minn akkademiċi u minn uffiċjali pubbliċi dwar suġġetti li jmissu mill-qrib l-operat u l-istrateġiji tas-Servizz Pubbliku.

Fost it-temi akkademiċi li jinsabu f’din l-ewwel ħarġa hemm l-iżvilupp sostenibbli, l-Intelliġenza Artifiċjali, it-teknoloġija Blockchain, l-ugwaljanza u l-impatt tal-boroż ta’ studju maħruġa mill-IPS.

Din il-pubblikazzjoni hija waħda mill-inizjattivi li se jsiru din is-sena, li taħbat il-ħames sena mit-twaqqif tal-IPS li essenzjalment huwa l-Kulleġġ tas-Servizz Pubbliku. Inizjattivi oħra se jitħabbru matul din is-sena fejn se jinfetaħ aktar l-irwol li għalih twaqqaf l-IPS. Dan l-istitut għandu bħala msieħba strateġiċi tiegħu lill-Università ta’ Malta u lill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST).

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, permezz ta’ stqarrija qal li l-oġġettiv ewlieni li għalih twaqqaf l-IPS kien biex isostni t-tiġdid tas-Servizz Pubbliku u l-2,000 servizzi offruti, li qed ikomplu jevolvu maż-żmien. Dan l-oġġettiv l-IPS tilħqu bl-iżvilupp u bit-taħriġ tal-persuni li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku. Dan imur id f’id ma’ riċerka analitika u metodika immirata biex tasal għall-għeruq ta’ sfidi jew ta’ sitwazzjonijiet varji biex b’hekk isir żvilupp ta’ ideat. Dan kollu jwassal għat-titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tas-servizz mogħti u jitwarrbu prattiċi antikwati għal oħrajn li jaħsbu għall-isfidi tal-ġejjieni, anke dawk li għad m’hemmx ħjiel dwarhom.

L-IPS qed ikompli jiżviluppa sabiex isaħħaħ il-programmi offruti ta’ taħriġ u jtejjeb il-qafas tar-riċerka li hi għodda importanti li biha ideat u għanijiet jiġu żviluppati, imnedija u milħuqa sabiex dak li sar tajjeb fl-aħħar snin insostnuh, u dak li seta’ sar aħjar, intejbuh.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li b’din il-pubblikazzjoni, l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi se jkompli jkun fuq quddiem bħala pilastru ewlieni fl-istrateġija li permezz tagħha s-Servizz Pubbliku jkompli jissaħħaħ permezz tat-teknoloġija diġitali u tal-kwalità tan-nies fi ħdanu, strateġija li bħalissa qed tinbena u li tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla.

Is-Sur Cutajar sostna l-IPS se jkun fiċ-ċentru tat-taħriġ kollu li jrid jingħata biex l-uffiċjali pubbliċi jakkwistaw ħiliet ġodda f’numru ta’ oqsma emerġenti, bħar-remote working.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend