Notifiki

BIL-FILMAT: L-Ispeaker jiddeċiedi kontra l-Oppożizzjoni li riedet iġġib l-Awditur Ġenerali bħala skrivan

Deċiżjoni tal-Ispeaker f’seduta parlamentari t-Tnejn filgħaxija tat raġun lil Gvern u warbet l-argument tal-Oppożizzjoni dwar talba li għamlet l-Oppożizzjoni f’laqgħa tal-kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi li kienet qed tiddiskuti l-kuntratt tal-Electrogas nhar l-Erbgħa filgħaxija.

Il-Gvern kien saħaq li l-Oppożizzjoni trid tagħmel skrivan lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara meta dan kien qed jixhed quddiem il-kumitat parlamentari.

Dan għaliex id-deputati tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Ryan Callus talbu lill-Awditur Ġenerali jġib informazzjoni oħra m’għand l-Enemalta.

Hawnhekk l-Awditur Ġenerali kien fakkar li hu ilu jmur quddiem il-kumitat għall-kontijiet pubbliċi għal tnax-il sena u dan il-kumitat qatt ma ħadem kif kienet qed titlob l-Oppożizzjoni.

Saħaq li t-talba tal-Oppożizzjoni ma kinitx taqa’ taħt it-termini mitluba biex jinvestiga.

Il-Whip tal-Gvern, Glenn Bedingfield qal, “To be honest li nġibu karta li teżisti x’imkien u nġibuha aħna I don’t see any added value.”

Bedingfield sostna: “Mhux hekk mela intom skrivana tagħna.”

Quddiem din it-talba tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeċieda li skont ordnijiet permanenti tal-Parlament, kull informazzjoni addizzjonali tista’ ssir talba għaliha lill-entità partikolari u mhux jitqabbad l-Awditur biex iġibha.

L-Ispeaker fakkar li l-kumitat parlamentari jista’ jsejjaħ għall-uffiċjali ta’ entità partikolari biex jidhru quddiemu u jwieġbu għal kull mistoqsija li ssir.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr: “Jekk il-kumitat jidhirlu li jkun meħtieġ jista’ wkoll iħarrek uffiċjali jew uffiċjal tal-istess entità biex jidhru quddiemu jew jidher quddiemu f’dan l-istess kumitat u jesebixxi u jwieġbu taħt ġurament għal kull domanda ta’ dan il-kumitat. Ir-ruling huwa deċiż.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend