Notifiki

B’fondi Ewropej jitlesta x-xogħol ta’ restawr fil-Bażilika ta’ Raħal Ġdid u l-Knisja ta’ Ħal Tarxien 

Il-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid u l-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien waslu fi tmiem proċess ta’ restawr.

Dan b’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro li tmenin fil-mija minnhom huma fondi tal-Unjoni Ewropea.

Fost l-oħrajn ir-restawr fuq il-bażilika ta’ Raħal Ġdid kien jikkonsisti f’restawr tal-kolonni tal-konkos li huma għolja 11-il metru u li jinsabu fil-ġnub tal-knisja.

Sar ukoll xogħol ta’ tiswija fil-kolonni u l-ġebel ta’ madwar il-portiku.

Dan filwaqt li tbiddlu l-kapitelli tal-ġnub u saru travi tal-ħadid ġodda.

Fi proġett separat f’Ħal Tarxien sar xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-ħitan tal-ġenb tal-knisja u fuq in-naħa ta’ wara tnaddfet il-ġebla Maltija u ġew irrestawrati l-aperturi tal-injam.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, li kien preżenti għall-inawgurazzjoni, stqarr kif il-kollaborazzjoni bejn l-istat u l-knisja qed tħalli impatt pożittiv madwar pajjiżna b’numru ta’ proġetti ta’ restawr fuq knejjes differenti

Huwa stqarr: “Dan huwa investiment li qegħdin nagħmlu ta’ fondi Ewropej biex nieħdu ħsieb dak li ħallewlna missirijietna, kif ukoll li naraw li dawn il-ġojjelli arkitettoniċi li għandna f’pajjiżna jingħataw dak il-ġieħ lura li jixirqilhom.”

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi spjega kif il-Knisja f’Malta hija impenjata li tħares il-patrimonju Malti b’kollaborazzjoni ma’ kull min għandu dan il-wirt għall-qalbu.

L-Isqof Galea Curmi qal, “Jien ngħid meta nħarsu lejn ir-restawr importanti li ngħarfu li r-restawr huwa ta’ ġid għall-poplu hawnhekk ta’ Ħal Tarxien u għal poplu li jiġi l-knisja imma propjament għall-poplu Malti kollu għaliex kulħadd jibbenefika, jiggwadanja meta jkollok inti post bħal dan li jiġi rrestawrat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend