Se jiġi propost kodiċi għall-mezzi awdjoviżivi dwar l-użu tal-ilsien Malti – One News

Notifiki

Se jiġi propost kodiċi għall-mezzi awdjoviżivi dwar l-użu tal-ilsien Malti

L-ilsien huwa ħaġa ħajja bħalma ħaj il-poplu li jitkellmu.

Kliem Ġużè Aquilina u l-messaġġ li għamel aċċenn għalih il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt diskussjoni dwar l-użu tal-ilsien Malti fix-Xandir. Hawn ħabbar li bħalissa għaddejja ħidma biex ikollna kodiċi għall-mezzi tax-xandir awdjoviżivi li jużaw il-Malti.

Dr Joanna Spiteri, Uffiċjal mill-Awtorità tax-Xandir, spjegat l-importanza tal-kodiċi, għaliex il-lingwa hija għodda importanti għax-xandar. Qalet li tul l-aħħar snin, ġew innutati numru ta’ nuqqasijiet f’dan is-settur, b’mod speċjali meta xandira tinkludi nies minn oqsma differenti.

Dr Spiteri fissret: “Fil-fatt ninnutaw diversi nuqqasijiet, nuqqasijiet bħal pereżempju l-code switching li ssemmiet ukoll f’dan is-seminar speċjalment f’programmi tar-radjijiet, pereżempju fi programmi popolari ta’ breakfast shows, qed ninnutaw ħafna bdil taż-żewġ lingwi tal-Malti u l-Ingliż fl-istess sentenza. Barra minn hekk hemm ukoll kliem ġdid bħal jiffryja, jipplateja illi sfortunatament qed narawhom f’ħafna programmi tax-xandir.”

Hawn spjegat ukoll il-ħidma li qed tagħmel l-awtorità tax-xandir biex kontinwament jitjieb il-prodott.

Dr Spiteri sostniet: “Minbarra moniteraġġ, ovvjament l-Awtorità tax-Xandir qiegħda hemmhekk biex timplimenta l-liġi u bħalissa hemm kodiċi wkoll dwar l-użu tal-Malti però barra minn hekk l-Awtorità trid tipprova tilħaq lix-xandara fil-fatt matul is-snin minn żmien għal żmien flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u anki mal-Università ta’ Malta nagħmlu diversi korsijiet għax-xandara.”

Il-Ministru Carmelo Abela stqarr li l-ħidma li tirrigwardja l-proposta fuq il-kodiċi tinsab fi stadju avvanzat, u tinvolvi wkoll il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Hu qal, “Għandna nkunu difensuri stess tal-lingwa tagħna bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u allura sta għalina l-Maltin nagħmlu l-almu kollu tagħna biex ikollna Malti mitkellem u miktub b’mod tajjeb. Kif ikun hemm it-test legali lest naturalment jinġieb għall-attenzjoni tal-Kabinett ħalli mbagħad il-Kabinett jagħti direzzjoni tiegħu.”

Abela temm jgħid li dan il-kodiċi għandu jgħin biex il-livell tal-Malti qalb ix-xandara jkun ta’ livell għoli għall-konsum tas-segwaċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend