Notifiki

Inrawmu lit-tfal tagħna jħobbu l-isport għal kwalità ta’ ħajja aħjar – il-Ministru Justyne Caruana

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo kellhom taħditiet biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (l-MFA) u l-iskejjel biex b’hekk it-tfal tagħna jinvolvu ruħhom aktar f’attività sportiva u tkompli tidħol mentalità sportiva li għandha twassal biex ikollna iktar sportivi ta’ kwalità.

It-taħditiet komplew wara li l-Malta Football Association ippreżentat l-istrateġija tagħha għas-snin 2020-2024 lill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ngħatat l-inkarigu li tmexxi ’l quddiem il-parti tal-istrateġija li timxi id f’id mas-settur edukattiv. Waqt it-taħditiet, il-Ministru Caruana qalet li rridu nrawmu lit-tfal biex jgħixu ħajja b’saħħitha permezz tal-attività fiżika biex twassalhom fuq kollox biex jgħixu ħajja aħjar u wkoll ikunu qed jipparteċipaw fl-oqsma sportivi, fosthom il-futbol.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Eduakzzjoni ntqal li dawn it-taħditiet għandhom iwasslu biex ikun iffirmat memorandum of understanding ħalli jkun hemm programmi li jwasslu biex jiżdied in-numru ta’ tfal li jipprattikaw b’mod regolari l-futbol u jipparteċipaw f’attività fiżika bħala parti mill-istrateġija biex tkun indirizzata l-obeżità fit-tfal tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend