Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti

Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika li ser twassal għat-tfassil ta’ strateġija ġdida għall-Kunsill Malti għall-Arti. Strateġija għall-ħames snin li ġejjin li ser tkun ibbażata fuq it-tema ‘Isma. Oħloq. Imraħ.”

Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija Mary Ann Cauchi spjegat kif il-proċess ta’ konsultazzjoni qed jiskatta iggwidat minn qafas ta’ politika kulturali, nazzjonali, Ewropea u globali.  Il-konsultazzjoni ser tkun qed issir permezz ta’ proċess li fih il-partijiet kollha interessati ser ikunu mistiedna jattendu workshops u jgħidu tagħhom dwar temi differenti.

Il-kap tal-istrateġija Adrian Debattista spjega kif din l-Istrateġija se tifforma l-ħidma lejn l-investiment fl-ekoloġija kulturali u kreattiva f’Malta, u l-appoġġ u l-promozzjoni tagħha.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti José Herrera stqarr kif dan huwa ż-żmien opportun li fih tkun imfassla strateġija għas-snin li ġejjin.

Il-Ministru Herrera qal, “Din id-darba għamilniha ffukata fuq parteċipazzjoni akbar mal-entitajiet u mas-settur privat, kif aħna nistgħu nilquhom b’mod aktar dirett, kif aħna nistgħu ninjettaw flus b’mod aktar dirett u b’mod aktar effettiv lin-nies li jaħdmu fis-settur tal-industrija kreattiva u naturalment ħadna inkonsiderazzjoni r-realtá li qed ngħaddu minnha llum.”

Dawk kollha interessati li jikkontribwixxu għall-konsultazzjoni pubblika jistgħu jagħmlu dan billi jżuru acmstrategy2025.mt. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sad-19 ta’ April li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend