Ta’ tliet snin għandha bżonn l-imħabba ta’ familja u ma sabithiex

Tifla ta’ tliet snin li ġiet bżonn ħarsien alternattiv għal erba’ xhur, kellha titpoġġa f’dar residenzjali tat-tfal wara li ma sabitx familja li setgħet tagħtiha s-servizz tal-fostering.

Dan għaliex il-foster carers kollha f’pajjiżna, bħalissa diġà għandhom xi tifel jew tifla taħt il-ħarsien tagħhom.

Sara Farrugia, li tmexxi s-servizz tal-fostering fi ħdan l-Appoġġ, spjegat li din it-tifla saħansitra kellha bżonn il-kura medika l-isptar wara negliġenza severa mill-ġenituri bijoloġiċi tagħha.

Farrugia stqarret, “Dil-ġimgħa rċevejna referral ta’ tifla fl-età ta’ tliet snin. Minħabba neglect sever li kien hemm min-naħa tal-ġenituri bijoloġiċi kellha bżonn l-assistenza medika, u għalhekk kellha tittieħed ġewwa l-Isptar għal din l-assistenza fejn kellha tinżamm hemmhekk għal ċertu ammont ta’ ġranet. Sfortunatament, minħabba n-nuqqas ta’ familji u placements li għandna bħalissa, sibniha diffiċli ħafna biex insibu placement għal din it-tifla.”

Bħalissa f’pajjiżna hawn erba’ mija u tlieta u tletin tifel u tifla f’kura alternattiva. Mitejn u disgħa u tletin minnhom jinsabu fil-fostering, filwaqt li mija u erbgħa u disgħin qegħdin f’kura residenzjali.

Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw suċċess fil-viżjoni tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan l-Appoġġ, li aktar tfal bi bżonn ta’ kura alternattiva qegħdin fi ħdan familji minflok fi djar residenzjali.

Minkejja dan, il-bżonn ta’ kura alternattiva ma jonqosx, u każijiet bħal dawn li jinvolvu tfal żgħar, jeħtieġu mħabba u attenzjoni fi ħdan familja.

Farrugia kompliet tgħid, “Bħala Direttorat, ix-xewqa tagħna hija li tfal taħt l-età ta’ ħames snin jitpoġġew mill-ewwel ġo foster family għal ammont ta’ żmien sakemm ikun hemm il-professjonisti li jissapportjaw lill-ġenituri biex fejn ikun possibbli, dawn it-tfal jingħaqdu lura mal-familja bijoloġika tagħhom.”

L-appell hu biex kull min jista’, jiftaħ il-bibien tiegħu għal dawn it-tfal, li jkollhom bżonn attenzjoni u mħabba f’mumenti vulnerabbli f’ħajjithom.

ONE News ġiet għall-attenzjoni tiegħu reazzjoni ta’ persuna li hija grata ħafna lejn dawn il-familji, li fuq il-midja soċjali rringrazzjat lit-tliet familji li qed jieħdu lil uliedha.

Kull min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-fostering, jista’ jċempel fuq in-numru 99010533.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend