Notifiki

Fiequ 148 persuna oħra mill-COVID-19 u feġġew 154 każ

Fl-aħħar sigħat, fiequ 148 persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 154 każ minn fost 3,282 test.

Dan ifisser li 95.4% tat-testijiet li saru ġew negattivi u 4.6% ġew pożittivi.

Sa issa fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru 668,617-il test.

Fl-istess waqt, mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 f’Malta, ingħataw 59,702 tilqima. Minnhom, 19,199 ħadu t-tieni doża.

Fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa qed jingħataw madwar elfejn tilqima kuljum.

Fost dawk li qed jitlaqqmu bħalissa huma l-persuni vulnerabbli minħabba l-kundizzjoni tagħhom, bħal dawk bid-dijabete dipendenti fuq l-insulina u persuni morda bil-kanċer.

Il-Professur Gauci spjegat li fost dawn il-persuni vulnerabbli hemm Għawdxin li fl-aħħar jiem irċevew stedina biex jitlaqqmu f’Malta.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret, “Għawdxin li rċevejtu l-ittra biex tiġu hawn Malta, nappellalkom biex tinjoraw dak l-appuntament biex tiġu Malta. Aħna ħa nerġgħu fil-ġimgħa li ġejja, nibagħtulkom ittra oħra biex inkunu nistgħu nagħtukom it-tilqima minn Għawdex stess.”

Il-Professur Gauci kellha dan l-appell għal min qed jaħsibha darbtejn biex jitlaqqam minħabba li diġà ġie pożittiv għall-Coronavirus.

Hi qalet,“Nafu li xi ħadd li kellu l-marda, ħa jkollu ftit immunità għal ftit xhur li jekk jiltaqa’ mal-virus ikollu inqas ċans li jimrad, però milli nafu sa issa, permezz tal-vaccine, din ħa ttik immunità li hija aħjar u huwa għalhekk li aħna xorta nissuġġerixxu anki lil dawk il-persuni li diġà kienu ġew pożittivi, ukoll għandhom jiġu biex jieħdu t-tilqima la darba nibagħtu għalikom ħalli hekk inkunu nistgħu nagħmlu boosting tal-immunità tal-persuna.”

Intant, meta kien qed jiġi intervistat fuq il-programm Twenty One il-Ħamis filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, ħabbar li mill-Ġimgħa fetaħ ċentru ieħor minn fejn qed jingħata t-tilqim fl-Università ta’ Malta.

Il-Ministru għas-Saħħa,“Għamilna arranġamenti u modifiċi ġo żewġ swali kbar fl-Università u minn għada ħa nibdew inlaqqmu nies ġewwa l-Università. Għada ħa nibdew bit-tilqim tas-social workers u tal-counsellors u dawk l-istudenti tal-Università li jkollhom kuntatt mal-pazjenti, studenti tan-nurses, tobba, allied health, dawk minn għada.”

It-tilqim f’dan iċ-ċentru jingħaqad ma’ dak li qed isir fl-għaxar ċentri tas-saħħa madwar il-pajjiż, għoxrin berġa f’Malta u f’Għawdex, u f’postijiet oħra bħall-baracks tas-suldati f’Ħal Luqa u l-Pulizija f’Ta’ Kandja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend