Jgħid li l-Wage Supplement ikkonsolida s-settur tax-xogħol… 82% tan-negozji mhux se jkeċċu ħaddiema – One News

Notifiki

Jgħid li l-Wage Supplement ikkonsolida s-settur tax-xogħol… 82% tan-negozji mhux se jkeċċu ħaddiema

57% tan-negozjanti, Kapijiet Eżekuttivi u diretturi ta’ negozji u kumpaniji Maltin qalu li qed jistennew li jżommu l-impjegati kollha tagħhom għas-sena li jmiss, filwaqt li 25% qalu li mistenni li jżidu l-impjegati tagħhom.

Dawn iċ-ċifri fost ħafna oħrajn, tħabbru waqt konferenza mill-Kamra tal-Kummerċ hekk kif ħabbret studju li sar għall-ewwel kwart ta’ din is-sena u li sar bejn il-Kamra u kumpanija internazzjonali bl-isem Vistage.

Fil-fatt huma biss 15% tal-kumpaniji Maltin u Għawdxin li jaħsbu li se jkollhom inaqqsu l-ħaddiema tagħhom f’din is-sena.

Iċ-Chairperson tal-kumpanija Vistage Nathan Farrugia spjega għaliex il-kumpaniji u n-negozji Maltin setgħu jżommu l-ħaddiema tagħhom.

“Naħseb li l-aspett tas-sostenn tal-pagi tal-impjegati, il-Wage Supplements għamlu differenza ħdejn pajjiżi oħrajn u din għenet biex il-business f’Malta baqgħu għaddejin u għandhom din il-viżjoni li fil-futur iżidu n-nies li jaħdmu f’dawn il-kumpaniji.”

Ċifra pożittiva oħra li ħarġet minn dan ir-rapport indikat li l-maġġoranza tan-negozji u l-kumpaniji huma ottimisti li l-ekonomija se tibda tirpilja fl-2021.

Fil-fatt nofs il-kumpaniji li ħadu sehem f’dan l-istudju qed jistennew li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jiżdied minn din is-sena.

Intant Farrugia sostna li bħalissa hemm ottimiżmu b’kawtela minn dawn in-negozjanti ewlenin hekk kif Malta bħal bqija tad-dinja għadha qed issofri l-effetti negattivi tal-pandemija.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb sostna kif dan ir-rapport li se jibda joħroġ kull kwart tas-sena jixhed ottimiżmu b’kawtela min-negozjanti ewlenin Maltin.

Xuereb fakkar ukoll li meta mqabbel  mar-Renju Unit u l-Istati Uniti, fejn aktar minn 60% tan-negozjanti mistennija jżidu l-impjegati fit-tnax ix-xahar li jmiss, Malta din iċ-ċifra hija baxxa għaliex fil-fatt ma ntilfux postijiet tax-xogħol daqs kemm intilfu f’dawn iż-żewġ pajjiżi kbar.

“In-numru ta’ ħaddiema li aħna beħsiebna li nżidu fix-xhur li ġejjin huwa inqas minn pajjiżi oħrajn u r-raġuni għaliha hija li l-Wage Supplement f’Malta tant ħadmet tajjeb li n-numru ta’ ħaddiema li aħna għandna llum, dak li żammejna u li kkonservajna fl-aħħar xhur huwa biżżejjed biex aħna nkomplu filwaqt li pajjiżna oħrajn li ma kellhom il-Wage Supplement systems bħalma kellna Malta kellhom ikeċċu n-nies u allura r-ritorn għan-normalità qed jarawha billi jerġgħu jġibu lura dawk in-nies li tilfu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend