Wara dak li ppreżenta l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ħamis filgħodu dwar l-enerġija, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li dan huwa kollezzjoni ta’ ideat, uħud riċiklati u oħrajn li qegħdin iseħħu taħt Gvern Laburista.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista qal kif Bernard Grech innifsu ammetta li ma jafx kemm jiswa dak li tkellem dwaru.
Dan hekk kif skont hu issa dak narawh meta jiġi l-mument li ndaħħlu idejna fil-but.
Il-Partit Laburista qal li din mhux sorpriża li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jitkellem meta lanqas biss għandu pjan.
Fl-istqarrija ntqal kif huwa ċar li l-Oppożizzjoni ma tafx kif jaħdmu l-iktar elementi bażiċi fis-settur, fejn anke qal illi għadu se jikkonsulta.
Intant, b’reazzjoni il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli stqarret kif id-diskors ta’ Grech kompla juri d-differenza bejn Oppożizzjoni li twiegħed fl-ajru u Gvern li mhux iparla iżda jwettaq.
“Meta jkollok pjan tkun taf kif ser twettqu, tkun taf kemm ser jiswa u l-impatt li ser ikollu. Aħna b’differenza mill-Partit Nazzjonalista mhux inparlaw imma nimplimentaw u n-nies jafu fejn qiegħdin ma Gvern Laburista għaliex huwa Gvern Laburista li lesta l-‘interconnector’, li neħħa l-‘heavy fuel oil u li raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u n-nies ser ikomplu jaraw li aħna l-Gvern kredibbli fejn jidħol il-qasam tal-enerġija għaliex ser inkunu aħna li nkomplu nwasslu aktar proposti konkreti u fattibli.”
Il-Partit Laburista fi stqarrija wkoll saħaq kif il-Gvern ilu jikkonsulta u wettaq u fi żmien li ġej se jkompli jwettaq.
Il-Partit Laburista temm jgħid kif min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni illum reġgħet uriet illi ma għandiex kredibbiltà biex titkellem dwar is-suġġett.