Fil-masterplan il-ġdid għal Manoel Island, hemm żieda fl-ispazji miftuħa. Dan intqal mill-kumpanija MIDI, hekk kif issottomettiet dan il-masterplan il-ġdid quddiem l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Fi stqarrija, il-kumpanija MIDI qalet kif il-bini l-ġdid fuq din il-gżira naqas għall-10% tal-art, minflok dak ta’ 26%, kif kien pjanat qabel. L-ammont ta’ bini ġdid issa se jkun ta’ 55,000 metru kwadru flok dak ta’ 95,000 metru kwadru kif kien maħsub li jsir qabel.
Dan il-masterplan il-ġdid se jkun qed jeskludi l-parti mal-proġett marbuta mar-reklamazzjoni tal-art li tħares lejn ix-Xatt tal-Gżira, iżda dan il-proġett se jkun qed jaħseb ukoll għal tiġdid fil-yacht marina li hemm bħalissa, sabiex din tkun tista’ tilqa’ aktar jottijiet.
Fl-istqarrija MIDI qalet kif dan il-masterplan il-ġdid se jirrispetta l-obbligi kollha tal-kuntratt mal-Gvern, fejn jidħol ir-restawr tal-binjiet storiċi li hemm fuq din il-gżira.
Barra minn hekk, dan il-proġett se jkun qed jinkludi fih ukoll faċilitajiet sportivi, fosthom dak ta’ grawnd tal-futbol u l-klabb tal-boċċi tal-Gżira.