Notifiki

Programm ta’ €100 biljun favur ir-riċerka mniedi f’Malta

Inizjattiva ta’ riċerka li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea, bl-isem ta’ Horizon Europe se jgħin biex ix-xjentisti f’pajjiżna jkollhom l-opportunità li jkomplu jagħmlu iżjed riċerka li tgħin sabiex pajjiżna jimxi iżjed ‘l quddiem.

Fil-fatt kien hemm żieda fil-budget f’dan il-programm ta’ Horizon Europe, bil-fondi li hemm fuq dan il-programm issa huma ta’ kważi mitt biljun ewro.

Waqt li kien qed jitkellem fit-tnedija ta’ Horizon Europe, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-parteċipazzjoni attiva ta’ entitajiet u riċerkaturi Maltin fil-programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea se twassal għall-ħolqien ta’ swieq u impiegi f’Malta.

Il-Ministru Bonnici saħaq li t-tnedija ta’ dan il-programm jimmarka l-bidu tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li se jgħin biex jissaħħu teknoloġiji li jagħmlu d-differenza u li allura se jwasslu għal innovazzjoni fundamentali.

Dan bis-saħħa ta’ għajnuniet diretti lill-istart-ups u intrapriżi żgħar u medji li jkunu l-iktar innovattivi u li għandhom potenzjal.

Il-Ministru Bonnici stqarr, “Aħna qegħdin nagħtu l-appoġġ kollu tagħna lir-riċerkaturi Maltin biex jieħdu minn dawn il-fondi u nkunu nistgħu verament nagħmlu minn Malta verament gżira illi verament tara fir-riċerka il-futur ta’ dan il-pajjiż.”

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando nnota kif matul is-snin, il-Kunsill ra żieda fil-parteċipazzjoni fir-riċerka f’Malta.

Is-Sur Pullicino Orlanda rrimarka, “Min-naħa tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija naraw kif nagħmlu biex nħeġġu aktar riċerkaturi Maltin japplikaw għall-fondi minn dan il-fond li hu l-akbar fond ta’ riċerka fid-dinja. Tul is-snin qed naraw li aktar qed ikun hemm suċċess f’dan ir-rigward.”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġew preżentati wkoll premijiet lil riċerkaturi differenti biex b’hekk ġiet rikonoxxuta l-ħidma li dawn wettqu fil-qasam tal-innovazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend