Notifiki

Il‑MPE Josianne Cutajar tisħaq fuq politika li tirrifletti l‑ħtiġijiet tal‑gżejjer Ewropej

F’intervent li għamlet dwar ir‑regolamenti tal‑Għajnuna mill‑Istat biex gżejjer u żoni marittimi fl‑Ewropa jirkupraw mill‑effetti tal‑COVID‑19.

Fi stqarrija l‑Partit Laburista stqarr li l‑Ewroparlamentari Maltija Dr Josianne Cutajar insistiet li l‑limiti de minimis ta’ bħalissa għandhom jiżdiedu b’mod permanenti, u sejħet għal aktar flessibbiltà biex jitqiesu b’mod xieraq iċ‑ċirkostanzi ta’ żvantaġġ li għandhom gżejjer bħal Malta u Għawdex u n‑negozji li joperaw minnhom.

Cutajar talbet għal diskussjoni aperta dwar ir‑rwol tar‑regoli dwar l‑Għajnuna mill‑Istat fil‑qagħda preżenti ta’ kriżi ekonomika fil‑kontinent.

Il‑Membru Parlamentari Ewropew Maltija saħqet fuq il‑ħtieġa ta’ regoli dwar l‑Għajnuna mill‑Istat aktar flessibbli fir‑rigward ukoll tat‑trasport bil‑baħar, billi l‑kriterji preżenti mhix qegħdin iqisu biżżejjed l‑kuntesti speċifiċi tal‑lokal u mhux dejjem jgħinu biex l‑iżvantaġġ ġeografiku li jeffettwa lill‑gżejjer jingħeleb. Din is‑sitwazzjoni tgħodd b’mod dirett għat‑trasport bejn Malta u Għawdex.

Il‑Partit Laburista qal li l‑Ewroparlamentari Maltija kienet qed titkellem f’dibattitu importanti kordinat mill‑Intergroup dwar l‑Ibħra, Xmajjar, Gżejjer u Żoni tal‑Kosta fi ħdan il‑Parlament Ewropew (SEARICA) li tiegħu hija membru attiv.

Cutajar insistiet li ‘żvantaġġi permanenti jitolbu soluzzjonijiet fit‑tul u l‑qagħda speċjali tal‑gżejjer għandha tiġi rikonoxxuta darba għal dejjem.’ Esprimiet ukoll it‑tħassib tagħha dwar x’se jiġri ladarba l‑Qafas Temporanju preżenti għall‑Għajnuna mill‑Istat jiskadi.

‘Ma tkunx idea ħażina li nikkunsidraw perjodu li fih dan il‑Qafas Temporanju jispiċċa b’mod gradwali u li matulu niżguraw ritorn lejn in‑normalità ġdida li jkun wieħed progressiv u mingħajr skossi,’ saħqet Dr Cutajar.

Cutajar ġibdet l‑attenzjoni ta’ dawk preżenti li miżuri fit‑terminu immedjat għandhom jittieħdu bil‑ħsieb ta’ strateġija fit‑tul li tindirizza l‑iżvantaġġi partikolari tal‑gżejjer fil‑kompetittività u l‑konnettività.

Il‑Membru Parlamentari Ewropew Maltija enfasizzat li strateġija fit‑tul għandha tagħti aktar flessibbiltà fejn tidħol għajnuna mill‑istat sabiex ikun żgurat li setturi strateġiċi tal‑gżejjer bħalma hu t‑turiżmu sostenibbli jitqiesu b’mod xieraq.

Il‑Partit Laburista tenna, li Dr Cutajar aċċennat ukoll għall‑fatt li turiżmu sostenibbli ma jfissirx biss l‑ospitalità, iżda jkopri setturi differenti li flimkien jistgħu jikkontribwixxu biex l‑ekonomija lokali tagħna, li hi magħmula l‑aktar minn negozji żgħar u medji, issir aktar diversifikata.

Dr Cutajar innotat li turiżmu sostenibbli jgħin biex jixpruna innovazzjoni li twassal għal ekonomija ċirkulari, soluzzjonijiet ta’ mobilità li jirrispettaw l‑ambjent, kif ukoll għat‑tisħiħ ta’ inizjattivi li jieħdu ħsieb il‑pajsaġġ u jpoġġu aktar valur fil‑wirt kulturali.

‘Diġà insistejt diversi drabi fuq is‑sejħa li saret mill‑Parlament Ewopew fl‑Istrateġija Ewropea għall‑SMEs sabiex il‑kundizzjonijiet speċjali tan‑negozji żgħar u medji li jaħdmu minn fuq gżejjer ikunu studjati mill‑qrib fl‑eventwalità ta’ reviżjoni tar‑regoli Ewropej dwar l‑Għajnuna mill‑Istat. Illum qiegħda nġedded din is‑sejħa’, temmet tgħid Dr Cutajar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend