F’Jannar ikollna rekord ieħor ta’ bejgħ ta’ proprjetà – One News

Notifiki

F’Jannar ikollna rekord ieħor ta’ bejgħ ta’ proprjetà

Matul ix-xahar li għadda kompliet ix-xejra pożittiva u b’saħħitha fil-bejgħ tal-proprjetà hekk kif kien hemm żieda ta’ 27% fil-bejgħ waqt pandemija.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA, qalet li fl-ewwel xahar tas-sena, ġew irreġistrati 1,157 konvenju għall-bejgħ ta’ propjetà.

Il-valur kien ta’ €274 miljun ewro.

L-MDA qalet li dan huwa rekord ġdid għall-bejgħ tal-propjetà.

Dan għaliex meta mqabbel ma’ Jannar ta’ sentejn ilu kien hemm żieda ta’ 174 konvenju u żieda wkoll ta’ €59 miljun ewro fuq il-valur tal-proprjetà mibjugħa.

B’rabta ma’ dawn ix-xejriet pożittivi, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq medda ta’ tmien xhur mindu ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, fejn kien hemm numru ta’ inċentivi għax-xerrejja ta’ propjetà, ġew iffirmati kważi ħdax-il elf konvenju tal-proprjetà.

Saħaq li bħala medja, kuljum saru transazzjonijiet ta’ għaxar miljun ewro fuq proprjetà.

L-MDA sostniet li minkejja l-imxija, matul is-sena l-oħra din l-industrija rreġistrat bejgħ ta’ €3 biljun, l-istess bħal l-2019 meta ma kienx hawn pandemija.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, l-MDA qalet li n-nies qed jibqgħu jinvestu f’xi ħaġa li tagħtihom kwalità.

Id-Direttur Ġenerali tal-MDA Marthese Portelli stqarret li b’ħafna ħidma u iżjed inċentivi din is-sena wkoll tista’ tkun waħda pożittiva għal din l-industrija.

Dan f’kuntest li fil-budget għal din is-sena l-Gvern kien ħabbar li dawk il-persuni li qed jixtru l-ewwel propjetà tagħhom se jkunu eżenti mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel mitejn elf ewro tal-prezz tal-propjetà li jkunu se jixtru flok fuq l-ewwel mija u ħamsa u sebgħin elf ewro tal-prezz tal-propjetà.

Hawnhekk l-MDA appellat lil Gvern biex iżomm dan l-inċentiv.

Portelli sosniet li din l-Assoċjazzjoni hija impenjata li tagħmel iżjed proposti tanġibbli u konkreti sabiex ikollna infrastruttura favur l-ambjent, ta’ kwalità aktar għolja u sostennibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend