Notifiki

“L-ewwel l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin” – il-PM dwar l-immigrazzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern bħalissa jinsab impenjat sabiex jibqa’ jindirizza l-problema tal-immigrazzjoni li ta’ kull sajf tgħolli rasha.

Il-Prim Ministru Abela qal dan waqt attività politika fil-Furjana u li kienet konformi mal-miżuri kollha mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fil-fatt il-Prim Ministru spjega kif is-sajf li ġej mistenni li jerġa’ jkollna problema b’influss ta’ immigranti.

Madankollu filwaqt li l-Gvern qed jaħdem qatiegħ sabiex jindirizza din il-problema mis-sors tagħha, qed isib Oppożizzjoni li xxekklu.

“Kellna membru tal-Oppożizzjoni li llum qed parti f’kawża mas-soċjetà ċivili ta’ Bernard Grech biex iġibu 50 immigranti mil-Libja f’Malta,” qal il-Prim Ministru Abela.

Spjega kif il-pożizzjoni tal-Gvern għall-kuntrarju tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija waħda ċara – l-ewwel l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.

Dr Abela spjega wkoll kif dan il-prinċipju deher b’mod konkret fl-aħħar sena ta’ sfida permezz tad-diversi għajnuniet li offra l-Gvern.

Għajnuna li dehret biċ-ċar fost oħrajn bl-iskemi tal-vouchers, bil-Covid Wage Supplement u anke l-għajnuna fix-xiri tal-propjetà.

Il-Prim Ministru madankollu spjega kif dan il-Gvern qed ikun realistiku ma’ dak kollu li għaddej madwaru u aċċenna għall-kuntrast qawwi mal-Oppożizzjoni li fl-aħħar xhur xettlet ħafna dubji fosthom dwar il-pjan ta’ vaċċinazzjoni tal-Gvern.

Pjan li permezz tiegħu llum il-ġurnata għandna aktar minn 50,000 ruħ imlaqqmin. Ċifra li titfa’ lil Malta fil-quċċata tal-Ewropa f’dan ir-rigward.

Dr Abela semma kif dan il-Gvern qed iħares ‘il quddiem issa li jinġieb f’pajjiżna l-vaċċin tal-Johnson and Johnson biex ikomplu jibqgħu jiġu vaċċinati l-Maltin u l-Għawdxin.

Dr Abela qal ukoll li f’Malta xorta jibqa’ jkollna sfida li jridu jiġu indirizzati. Semma l-problema tal-Air Malta u kif din ġiet affettwata mill-pandemija. Tenna li dan il-Gvern kommess li jsalva lil linja tal-Ajru Nazzjonali Maltija.

Intant dwar il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Abela aċċenna wkoll għall-istatistika tal-Ewrobarometru fejn wera li l-Maltin huma l-aktar poplu ottimist dwar il-futur ekonomiku ta’ pajjiżna.

Semma wkoll il-ħidma kbira ta’ dan il-Gvern fil-gżira Għawdxija, fil-qasam infrastruttali ta’ pajjiżn u anke l-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema tal-Water Services Corporation.

Dwar il-ħidma f’Għawdex il-Prim Ministru Abela aċċenna wkoll għall-kritika distruttiva tal-Oppożizzjoni hekk kif rreferiet għall-proġett tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex bħala ħrafa ta’ Esopu.

Dr Abela semma wkoll l-attakk sfrenat fuq mill-Partit Nazzjonalista fuq żagħżugħ Kunsillier tal-Partit Laburista. Saħaq li huwa se jibqa’ jiddefendi b’ħiltu kollha liż-żgħażagħ u l-vuċi li joffru għaliex b’hekk verament ikollna Gvern li jemmen fil-potenzal tagħhom.

Il-Prim Ministru temm jaċċenna għall-kunċett ta’ Tim Malta li qed jadotta dan il-Gvern u kif permezz tiegħu qed ikompli jxettel għaqda nazzjonali tant essenzjali f’dan iż-żmien ta’ sfida.

Għaqda nazzjonli fost l-fergħat kollha tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend