Il-Maltin huma l-aktar fiduċjużi li l-qagħda ekonomika se titjieb – stħarriġ tal-Ewrobarometru

Il-Maltin huma l-aktar fiduċjużi fost il-popli kollha tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea li jemmnu li din is-sena l-qagħda ekonomika fil-pajjiż se tkun aħjar.

Dan skont stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar is-sena l-oħra, is-sena li fiha faqqgħet il-pandemija u l-ekonomiji dinjija ffaċċjaw sfidi bla preċedent.

Skont l-Ewrobarometru, 42% tal-Maltin huma ottimisti li l-andament ekonomiku ta’ din is-sena se jkun aħjar mis-sena l-oħra.

Il-medja Ewropea hija ta’ 21%, in-nofs tar-rata f’Malta.

Franza kienet l-inqas pajjiż li għandha l-poplu fiduċjuż li l-ekonomija se tirkupra hekk kif kienu biss 10% tal-Franċiżi li huma ottimisti li r-rota ekonomika se terġa’ tibda ddur.

Dan ifisser aktar minn erba’ darbiet inqas mir-rata ta’ Malta.

L-istħarriġ juri wkoll li 21% biss tal-Maltin iħossu li s-sitwazzjoni ekonomika se tmur għall-agħar.

Dan huwa inqas min-nofs tal-medja Ewropea fejn ir-rata hija ta’ 53%.

L-aktar pajjiż li l-poplu tiegħu jħoss li s-sitwazzjoni ekonomika se tiggrava huwa l-Latvja.

F’dan il-pajjiż ir-rata hija ta’ 68%, iżjed minn tliet darbiet aktar mir-rata ta’ Malta.

Dan l-istħarriġ pożittiv għal Malta maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea jsegwi t-tbassir li ħareġ ilbieraħ mill-istess Kummissjoni Ewropea, fejn intqal li s-sena d-dieħla, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt l-ekonomija ta’ Malta mistennija tikber b’5.4%, darba u nofs aktar mill-medja Ewropea.

Jirriżulta wkoll li fil-ħarifa tas-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija se tkun iktar minn tliet darbiet akbar mill-ekonomija medja taż-Żona Ewro u iktar minn sitt darbiet akbar mill-ekonomija medja Ewropea.

Dan hekk kif fil-ħarifa tal-2022, il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna se jkun ta’ 1.9% filwaqt li dak tal-medja fiż-Żona Ewro se jkun ta’ -0.6% u tal-medja Ewropea se jkun -0.3%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend