Is-sena d-dieħla Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-UE – tbassir tal-KE

Sal-ħarifa tas-sena d-dieħla, Malta se tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.

Dan joħroġ minn tbassir li għadha kif ħarġet il-Kummissjoni Ewropea.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, Malta u l-Islovakkja se jkollhom l-akbar tkabbir fil-prodott domestiku gross fil-ħarifa tal-2022.

Fil-fatt l-ekonomija ta’ Malta mistennija tikber b’5.4%, darba u nofs aktar mill-medja Ewropea.

L-ekonomija ta’ Malta se tesperjenza tkabbir ferm akbar mill-medja fiż-Żona Ewro (3.8%) u l-medja Ewropea (3.9%).

Il-Ġermanja, meqjusa bħala l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, fil-ħarifa tal-2022, it-tkabbir mistenni ikun ta’ 3.1%.

Dan ifisser 2.3% inqas minn Malta.

Jirriżulta wkoll li fil-ħarifa tas-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija se tkun iktar minn tliet darbiet akbar mill-ekonomija medja taż-Żona Ewro u iktar minn sitt darbiet akbar mill-ekonomija medja Ewropea.

Dan hekk kif fil-ħarifa tal-2022, il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna se jkun ta’ 1.9% filwaqt li dak tal-medja fiż-Żona Ewro se jkun ta’ -0.6%.

Dan filwaqt li dak tal-medja Ewropea se jkun -0.3%.

It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea juri li pajjiżna se jkun rkupra ekonomikament sas-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni Ewropea semmiet kif sa tmiem is-sena d-dieħla, is-settur turistiku f’Malta mistenni jkun rkupra u jilħaq kważi l-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Intqal ukoll kif l-impatt ekonomiku li ħalliet il-pandemija fuq Malta ġie mitigat bil-miżuri tal-Gvern li taw stimulu lill-ekonomija.

B’rabta ma’ dan it-tbassir pożittiv dwar Malta mill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern qal li dan kollu jikkonferma kemm il-miżuri li qiegħed jieħu l-Gvern huma mistennija li jwasslu għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Maltija.

Il-Gvern qal li minkejja l-importanza tat-turiżmu għall-pajjiżna, il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif il-programm ta’ tilqim għall-Covid-19 kif ukoll l-irkupru tad-domanda domestika mistenni jwassal għal tkabbir qawwi fl-ekonomija Maltija din is-sena.

Fil-fatt it-tkabbir fl-2021 għal pajjiżna huwa mistenni li jkun aqwa mill-medja Ewropea, 4.5% f’Malta u 3.7% fl-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern innota wkoll li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea ma jinkludix l-impatt pożittiv li mistennija jkollhom il-fondi ġodda Ewropej, fejn is-sena l-oħra, il-Gvern immexxi minn Robert Abela kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta.

Fid-dawl ta’ dan, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea sostnew li fir-realtà t-tkabbir ta’ pajjiżna jista’ jkun aktar minn dak imbassar.

Il-Gvern laqa’ dan it-tbassir pożittiv, filwaqt li saħaq kif qiegħed fil-proċess li jiffinalizza l-pjan strateġiku ta’ kif ser jintużaw il-fondi Ewropej.

Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-fatt li pajjiżna huwa l-aktar stat membru fl-Unjoni Ewropea li se jikber ekonomikament is-sena d-dieħla.

Qal li flimkien, bħala tim wieħed offrejna spalla lin-negozji u l-familji u issa ż-żmien li nibdew inħarsu ’l quddiem biex ngħixu fi prosperità ġdida.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend