Notifiki

Il-każ tat-tifla li tħarrbet minn ommha barra minn Malta meqjus bħala ħtif ta’ persuna

Sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili laqgħet rikors li sar mill-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal biex il-każ tat-tifla li tħarrbet mill-pajjiż f’Ottubru li għadda, jitqies bħala ħtif ta’ persuna.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Familja ddikjarat li l-minuri ttieħdet barra minn Malta b’mod illeċitu u bi ksur tal-liġi ta’ Malta u ta’ konvenzjoni internazzjonali fir-rigward.

L-istess Qorti ddikjarat li t-tifla ttieħdet barra mill-pajjiż mingħajr il-kunsens ta’ min seta’ jagħti tali kunsens bi ksur tal-istess liġijiet, u ordnat li hekk kif il-minuri tinsab barra minn Malta, din tiġi rritornata f’pajjiżna b’mod immedjat.

F’Ottubru li għadda, it-tifla kienet ittieħdet barra mill-pajjiż mill-omm bijoloġika tagħha, minkejja li kienet tinsab taħt ordni għall-ħarsien.

Il-Ministru Michael Falzon laqa’ s-sentenza tal-Qorti b’sodisfazzjon u ntqal li din is-sentenza se tiġi kkomunikata mal-awtoritajiet rispettivi f’pajjiżi oħra biex hekk kif tinstab it-tifla , il-Qrati ta’ barra jkunu jistgħu japplikaw u jinforzaw is-sentenza mogħtija f’Malta u t-tifla tirritorna f’pajjiżna.

Ritratt: Getty Images
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend